
'Ma begħniex lil Malta imma attirajna l-investituri'
Il-Gvern jgħid li Simon Busuttil jinsab f’paniku assolut malli nduna li Malta diġà daħlet iktar minn €300 miljun mill-IIP

More in Politika
Il-Gvern jgħid li Simon Busuttil jinsab f’paniku assolut malli nduna li Malta diġà daħlet iktar minn €300 miljun mill-IIP
Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil inħakem minn disprament politiku meta ġie ppubblikat ir-rapport li wera li l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment qed iwassal għal suċċess bla preċedent f’pajjiżna.
Il-Gvern kompla jgħid kif, "Simon Busuttil ma felaħx jisma’ li Malta diġà daħlet iktar minn 300 miljun ewro mill-investituri ta’ reputazzjoni li ġew attirati lejn pajjiżna u li ħafna minn dan il-ġid qed imur fil-fond nazzjonali li se joħloq proġetti soċjali għal benefiċċju ta’ kulħadd. Għalhekk il-Kap tal-Oppożizzjoni beda jivvinta stejjer ġodda dwar gideb u ksur ta’ liġi."
Dan jiġi wara li l-Oppożizzjoni aktar kmieni akkużat lill-Gvern, b'mod partikolari lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici li gideb fil-Parlament. Il-PN qal li fis-16 ta' Marzu, 2015, waqt Kumitat Parlamentari il-Ministru Bonnici kien ċaħad b’mod kategoriku li l-kumpanija Henley & Partners, li hija responsabbli mill-programm ta' Ċittadinza b'Investiment kienet qed tieħu xi commissions oħra - minbarra l-4% fuq kull ċittadinanza - minn fuq il-proċess totali tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. Mistoqsi għal darba darbtejn, Owen Bonnici ċaħad dan.
Minkejja dan, l-Oppożizzjoni qalet li jirriżulta li l-kumpanija Henley & Partners qed tieħu commissions ta’ 4% ukoll fuq il-bejgħ ta’ stocks tal-Gvern Malti.
Min-naħa tiegħu, il-Gvern qal li fuq dan il-programm, hu ma ħareġ ebda kapital u, wara proċess kompetittiv u miftuħ, għażel lill-kumpanija Henley and Partner’s biex tieħu t-tmexxija tal-applikazzjonijiet f’idejha abbażi ta’ ħlasijiet leġittimi. Żied jgħid li l-kuntratt bejn il-Gvern u Henley and Partner’s ilu xhur li ġie ppubblikat, impoġġi fuq il-mejda tal-Kamra u diskuss fil-Parlament inkluż bix-xhieda tal-Ministru Bonnici.
"Dan sar għaliex m’hemm xejn x’jinħeba. Ir-regolatur indipendenti, li kien fdat minn Gvernijiet preċedenti bħala Kap tal-Kummissjoni Elettorali, faħħar il-mod serju li bih qed jaħdem il-Gvern, b’sistemi sofistikati ta’ skrutinju u verifika mfissra mir-regolatur bħala inkoraġġanti u indikazzjoni ċara tas-suċċess enormi tal-programm."
L-istqarrija tal-Gvern temmet tgħid li l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment sab l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tar-regolatur indipendenti, tal-140 aġent li qed jieħdu sehem fih, u tal-persuni ta’ saħħa globali li jipparteċipaw fis-suċċess ta’ pajjiżna. L-unika vuċi iżolata kontrih tibqa’ dik tal-Kap tal-Oppożizzjoni.