L-ebda esproprijazzjoni mhu se ssir fil-masterplan ta' Paceville, jekk dan ma jkunx xi proġett pubbliku, u anke hemmhekk, dan mhux definittiv. Dan qalu Johann Buttigieg, il-kap eżekuttiv tal-Planning Authority waqt il-programm Xtra fuq TVM.
Waqt li kien qed ikun mistoqsi dwar il-masterplan ta' Paceville, Buttiġieġ ammetta kif anke hu għandu r-riżervi tiegħu dwar il-proġett u rrikonoxxa, li Mott MacDonald, li kienu responsabbli mid-disinn tal-proġett, apparentament injoraw dik li kienet proprjetà privata jew pubblika.
Buttigieg qal ukoll li d-disa' żoni li ġew identifikati għall-aħħar żvilupp high rise, kienu l-aktar addattati għal dawn it-tip ta' binjiet u spazji pubbliċi li kien hemm bżonn.
Waqt il-programm, kien hemm ukoll l-intervent ta' Moira Delia li qalet li hi tgħix f'dar li ġiet indikata bħala waħda minn dawk li kellhom jiġu esproprijati, u sostniet li hi, bħal ħafna oħrajn bħalha tinsab inkwetata fuq il-futur. Għal dan, il-kap Buttigieg sostna li minkejja li kien hemm djar li ġew identifikati għall-esproprijazzjoni, is-sidien kellhom kull dritt li jibqgħu f'darhom u jirrifjutaw li jbigħu jew jitilqu minn darhom.