'Il-paga minima għandha tkun bizzejjed għal għixien dinjituż' - AD

L-Alternattiva Demokratika tgħid li bil-paga minima mhux possibbli li persuni jgħixu b'mod diċenti

Fl-laqgħa ta’ uffiċjali minn Alternattiva Demokratika ma’ esponenti tal-Kampanja Paga Minima Diċenti, iċ-Chairperson ta’ AD, Arnold Cassola qal li AD temmen li huwa inaċċettabbli li l-paga minima ġiet ikkalkulata darba fl-1972 fuq ‘basket’ li kien jagħmel sens 44 sena ilu u qatt ma ġie revedut il-kalkolu tal-paga minima. “Il-Caritas għamlet xogħol utili ħafna, bl-istudju tagħha juri kif b’paga mhux possibbli li persuni jgħixu b’mod diċenti. AD tisħaq li l-paga minima għandha tiġi reveduta perjodikament. Ekonomija b’saħħitha għas-skapitu ta’ ħaddiema li jaħdmu għal pagi li ma jippermettux għixien dinjituż mhux aċċettabbli għalina.”

Is-Segretarju Ġenerali ta’ AD Ralph Cassar żied li mhux minnu li żieda fil-paga minima tfisser li ħaddiema jitilfu xogħolhom. “L-ewwel nett xogħol li ma jħallasx biżżejjed biex dak li jkun jgħix diċentament ifisser dipendenza fuq il-karità jew welfare u żgur mhux ta’ ġid għall-ekonomija. Anke minn aspett purament ekonomiku żieda fil-paga minima tfisser aktar flus fl-idejn ħaddiema bl-aktar pagi baxxi – li jonfqu aktar fuq prodotti essenzjali. F’kelma waħda, żieda fil-paga minima hija wkoll stimolu ekonomiku.”

Anna Azzopardi minn AD Żgħażagħ qalet li Alternattiva Demokratika b’mod konsistenti ilha tisħaq li l-paga minima għandha tkun riveduta biex ix-xogħol verament jagħti lil kull persuna d-dħul neċessarju għal għixien dinjituz.

More in Politika