‘Buskett’ fl-Imtaħleb

Il-Ministeru tal-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima identifika art fix-xaqliba tal-Imtaħleb biex fiha jsir proġett estensiv ta’ afforestazzjoni

Il-ġmiel tal-Imtaħleb, iż-żona proposta għal masġar kbir | Ritratt : Leslie Vella
Il-ġmiel tal-Imtaħleb, iż-żona proposta għal masġar kbir | Ritratt : Leslie Vella

L-ILLUM tista’ tiżvela kif il-Ministeru tal-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima identifika art pjuttost kbira fix-xaqliba tal-Imtaħleb biex fiha jsir proġett estensiv ta’ afforestazzjoni. Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew li ladarba l-Gvern jimbarka fuq il-proġett li mistenni jbiddel din iż-żona f’Buskett żgħir se jkun qed jikkunsidra li l-immaniġġjar ta’ dan is-sit ikun fdat lil għaqda non-governattiva, bħalma ġara fil-każ tal-Park tal-Majjistral, tal-Inwadar u aktar riċenti fil-każ tas-Salini.

Fost l-ewwel deċiżjonijiet tal-Ministru José Herrera, kien it-twaqqif ta’ kumitat li kellu jmexxi proġett ta’ afforestazzjoni li jkopri 50 tomna art.

Il-Gvern jidentifika ħames siti għal proġetti ta’ afforestazzjoni

...se japplika għal fondi mill-UE għal masġar fiż-żona ta’ Burmarrad

Intant, is-sit fl-Imtaħleb għalkemm mistenni li jkun l-ikbar, mhux se jkun l-unika sit hekk kif il-Gvern se jkun qed jaħdem fuq proġetti ta’ afforestazzjoni f’ħames żoni oħra tal-pajjiż.

Fil-fatt, l-ILLUM tinsab infurmata li l-Ministeru għamel it-talbiet neċessarji lid-Dipartiment tal-Artijiet biex ikunu jistgħu jinbdew xogħlijiet ta’ afforestazzjoni f’siti f’Baħar iċ-Ċagħaq, fis-Swatar, fiż-żona ta’ quddiem l-isptar Mater Dei, f’Wied Blandun il-Fgura u Burmarrad.

Fil-każ tal-proġett ta’ afforestazzjoni f’Burmarrad, il-Gvern se jkun qed japplika għal fondi mill-Unjoni Ewropea.

illum.com.mt jinsab infurmat ukoll li l-Gvern jinsab fi stadju finali biex art, li għadha ma ġietx identifikata u li kienet qed isservi ta’ miżbla illegali qabel kienet abbandunata, tinbidel f’żona bis-siġar.

Il-proġett li se jkun qed isir fl-Imtaħleb kien indikat għall-ewwel darba fuq il-media meta l-Ministru José Herrera preżenta rapport ta’ żewġ esperti fl-Ekoloġija Louis F. Cassar u Elisabeth Conrad. Dakinhar, Herrera kien sostna li jinsab diżappuntat li fl-aħħar ħames snin, ftit li xejn ittieħdu miżuri biex issir afforestazzjoni, bit-tħawwil ta’ madwar 1,000 siġra biss kull sena.

Il-Ministru Herrera kien saħaq diversi drabi dwar l-importanza li f’dawn l-imsaġar ikunu mħawlin siġar endemiċi biss, xi ħaġa li l-istess Ministru sostna li għandha tkun koperta bil-liġi. 

More in Politika