Pajjizna fit-tmun
"Minn Jannar, Malta se tkun fit-tmun tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea...u li tkun fit-tmun fil-perjodu li qed ngħixu fih hija ħaġa straordinarja"
minn Owen Bonnici
Malta, minn Jannar li ġej, għal perjodu ta’ sitt xhur se tkun fit-tmun tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Li tkun fit-tmun tal-Kunsill hija diġà xi ħaġa straordinarja. Li tkun fit-tmun fil-perjodu li qed ngħixu fih hija, terġa’, iktar straordinarja.
Din il-ġimgħa l-Kabinett kellu laqgħa tajba ħafna mal-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-Unjoni Ewropea. Ir-rispons kien pożittiv immens u l-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, kellu kliem kbir ta’ tifħir kemm għall-Prim Ministru Joseph Muscat u kemm għall-preparazzjoni li qed turi Malta.
Pajjiżna se jidħol għal din il-Presidenza bi spirtu ta’ realiżmu. Se tidħol ukoll bi spirtu fejn taf li għandha esperjenza u passat li jġib flimkien u mhux jifred.
Irridu li s-sitt xhur tal-Presidenza tagħna jkunu sitt xhur li jgħinu biex l-Ewropa tiġi iktar flimkien u iktar sensittiva għar-realtajiet taċ-ċittadini.
Ftit qabel il-laqgħa mal-Kulleġġ tal-Kummissarji, kellna opportunità li niltaqgħu ftit informalment. Sħabi u jien fix-xogħol tagħna, ħdimna ma’ diversi membri tal-Kummissjoni Ewropea u nemmen li bnejna reputazzjoni li aħna honest brokers u politiċi li huma ġenwini u jridu jiksbu r-riżultati. Fil-laqgħat li kellna, din ħarġet ċara kristall.
L-Ewropa taf li f’Malta hawn Gvern li jaħdem, li qed jagħmel il-ġid u li hu mmexxi minn Prim Ministru formidabbli.
Junior Eurovision
Inkompli fuq nota Ewropea iżda fis-settur kulturali u tax-Xandir.
Din il-ġimgħa ttella’ l-Junior Eurovision għat-tieni darba f’pajjiżna. L-ewwel darba li ttella’ pajjiżna għamel isem għalih innifsu u verament urejna kemm aħna kapaċi nagħtu prodott tajjeb. Għat-tieni darba, nhar il-Ħadd li għadda, erġajna urejna l-ħiliet tagħna u produċejna prodott li jagħmel unur.
Kelli l-opportunità, flimkien mas-CEO ħabrieki u kariżmatiku tal-PBS John Bundy, nagħti titwila lejn il-preparamenti u nisma’ r-rehearsals, inkluż tal-kantanta Maltija Christina Magrin. Ħadt gost nisma’ lil esperti internazzjonali u lokali jgħidu kemm qed isir xogħol tajjeb u kemm huma tajbin l-artisti u ħaddiema Maltin li ħadu ħsieb ħafna mill-produzzjoni.
Jien konvint li l-esperjenza li l-ħaddiema Maltin qed jibnu bis-saħħa ta’ avvenimenti bħal dawn hija imprezzabbli. Jien konvint ukoll li wara dan il-festival, il-PBS se jkompli joħroġ iktar b’saħħtu u magħqud.
Jiena kburi mmens bit-talenti tal-ħaddiema kollha tal-PBS.
Inkomplu naħdmu biex inkattru l-ġid
Din il-ġimgħa kelli l-opportunità li nitkellem ftit iktar dwar il-ħidma li qed issir fil-qasam tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment. 300 familja high net-worth ingħaqdet mas-soċjetà tagħna matul din il-legiżlatura u hu mistenni li madwar 400 familja oħra, (suġġett, s’intendi li jgħaddu mill-istadji kollha ta’ due diligence) jkomplu jingħaqdu mas-soċjeta’ tagħna fix-xhur li ġejjin bħala ċittadini Maltin.
Ħabbart li b’kollox, dawn it-300 familja, apparti milli investew iktar minn €300 miljun favur il-kaxxa ta’ Malta, taw għotjiet u donazzjonijiet lil NGOs fl-ammont ta’ miljun u nofs Ewro fis-sena, b’Puttinu Cares tkun l-iktar li gawdiet minn dawn l-għotijiet finanzjarji. Dawn li nafu bihom għax qalulna. Min jaf kemm ingħataw iktar u aħna ma nafux! S’intendi l-Gvern ma jindaħal b’ebda mod li min wieħed jagħti u dawn l-għotjiet isiru b’mod kompletament liberu mill-persuni involuti.
300 familja high net-worth ingħaqdet mas-soċjetà tagħna matul din il-legiżlatura u hu mistenni li madwar 400 familja oħra, ikomplu jingħaqdu mas-soċjetà tagħna fix-xhur li ġejjin bħala ċittadini Maltin Owen Bonnici
Dawn il-familji kollha se jkunu ta’ ġid enormi għas-soċjetà tagħna u għada pitgħada, inkomplu naħsdu l-frott tad-deċiżjonijiet tajbin u x-xogħol tajjeb li qed nagħmlu llum.
Iffaccjati b’dan il-ġid, elementi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista daħlu f’paniku. Qaluli li l-kelliem tal-Oppożizzjoni vvinta li jiena kont gdibt lill-Parlament fuq il-ħlas tal-konċessjonarji – ħaġa li mhijiex minnha assolutament. Quddiem dan l-atteggjament negattiv u distruttiv tal-Oppożizzjoni, jiena nagħżel li nkun pożittiv u nkompli niddedika l-ħin kollu tiegħi biex nagħmel dan il-programm suċċess.
Ħaddieħor irid itellifna milli nkomplu noħolqu l-ġid. Aħna se nżidu d-doża tagħna biex inkomplu nwettqu d-differenza għall-aħjar fil-ħajja tal-familji u negozji Maltin u l-Għawdxin.
Kultura
Bl-istess mod se nkomplu nagħmlu d-differenza fis-settur kulturali.
Il-World Summit tal-Kultura li għadu kemm intemm b’suċċess f’pajjiżna ftit tal-ġimghat ilu huwa xhieda ċara tal-mod professjonali li bih qed naħdmu f’dan is-settur tant important u kruċjali. Quddiemna għandna xhur impenjattivi ħafna bil-preparazzjoni ta’ programmi kulturali u twettaq ta’ proġetti infrastrutturali b’fondi Ewropej li pajjiżna ilu snin kbar imxennaq għalihom.
Kburi ħafna bix-xogħol li qed jitwettaq.
Nieħu l-opportunità li nawgura lis-CEO l-ġdida tat-Teatru Manoel, Elizabeth Ebejer l-ikbar suċċess fix-xogħol il-ġdid tagħha. Kuntent ħafna kif Elizabeth mill-ewwel integrat mal-ħaddiema imprezzabbli tat-Teatru tagħna li laqgħuha b’mod pożittiv immens.
Inkomplu naħdmu u nkomplu nwettqu.