'Xejn mhu b'xejn ... u anke l-artist għandu dritt jaqla' l-għajxien tiegħu'

Il-PRS lil sidien ta' ħwienet bħal Mike Peplow: 'Bħalma tħallas biex tixri l-affarijiet li jagħmlu l-ħanut sabiħ jeħtieġ tħallas ukoll biex tuża l-prodott tal-artist .. l-artist irid jgħix ukoll'

'Kulħadd għandu dritt jgħix, anke l-artist' - PRS For Music
'Kulħadd għandu dritt jgħix, anke l-artist' - PRS For Music

Ir-reazzjoni ta' sid ta' ħanut f'Buġibba ġabet reazzjonijiet qawwijin kemm fuq diversi siti soċjali, l-aktar Facebook, u anke fil-forma ta' kuntatt li sar ma' dan is-sit minn diversi nies li għandhom negozju jew inkella li huma artisti. Fid-dawl tal-interess u anke r-rabja li ġabet magħha l-istorja ta' Mike Peplow, deċiż li mhux se jħallas bejn €180 u €200 biex ikun jista' jdoqq ir-radio fil-ħanut, dan is-sit għamel kuntatt dirett mal-kumpanija PRS For Music li lokalment hija responsabbli biex tiġbor il-flus, li mbagħad imorru għand l-artisti/kompożituri.

Ma' dan is-sit Jackie Church, il-Kap tad-Dipartiment tal-Liċenzjar Internazzjonali f'PRS For Music fakkret lil dawk is-sidien li qed joġġezzjonaw għal dan il-ħlas li kulħadd għandu dritt jaqla' l-għixien tiegħu, mill-prodott li jkun ikkrea. Ippreżentata bl-oġġezzjonijiet ta' Peplow, Church fakkret kif, "jekk trid tixtri inkwatru biex isebbaħ is-salon trid tħallas għalih. Jekk trid, biex nagħti eżempju, tagħmel arranġament tal-fjuri fil-ħanut biex ikun isbaħ u allura tressaq iktar klijenti lejn il-ħanut, trid tħallas. Allura għalfejn m'għandekx tħallas biex tuża l-prodott tal-artist, jekk int dak qed tużah biex ikollok ambjent aħjar u biex tressaq il-klijenti?" 

Mistoqsija jekk il-kummenti ta' Peplow mal-illum.com.mt jirriflettux mentalità ta' 'kollox b'xejn' jew inkella il-ħsieb li donnu kulħadd dara ma jħallasx għas servizz tal-artist Church tammetti li dan huwa l-każ. "F'dinja u realtà diġitali, n-nies ġeneralment jinsew illi dawk li jiktbu diska jew l-artist iridu jitħallsu wkoll. Anke huma għandhom dritt ta' għixien. Aħna bħala kumpanija," tkompli tgħid Church, "niġbru dawn il-flus li wara kollox se jmorru għand dawk li bid-dritt jistennew dħul mill-prodott tagħhom." 

Fil-kuntatt li dan is-sit għamel mal-Uffiċċju tal-PRS For Music f'Londra Church qalet li t-tariffa hija waħda li magħmula biex tirrispetta n-natura tan- negozju. "Per eżempju fil-każ ta' klubbs aħna jew inżommu persentaġġ minn kull biljett ta' dħul jew inkella jekk id-dħul ikun b'xejn, inżommu persentaġġ minn kull sessjoni." Għalkemm ma tagħtix ċifri eżatti Church tgħid li f'każ ta' klubb f'pajjiżna l-ammont li tiġbor u li wara jmorru għand l-artist, tista titl'a għal madwar €500. 

Church fakkret illi kull negozju inkluż bars u ristoranti u mhux salons biss jeħtieġ li jkunu liċenzjati mal-PRS. "Kull negozju jeħtieġ ikollu din il-liċenzja u aħna se naraw li l-flus li għandhom jinġabru, jinġabru. Kulħadd għandu dritt jgħix u jaqla l-flus, anke artist." 

 

 

 

More in Politika