400 tunnellata ta’ skart se titneħħa mill-Park tal-Inwadar
Beda x-xogħol ta’ tindif fil-Park tal-Inwadar... B'kollox ser jitneħħew 400 tunnellata ta’ skart
More in Politika
Beda x-xogħol ta’ tindif fil-Park tal-Inwadar... B'kollox ser jitneħħew 400 tunnellata ta’ skart
Dalgħodu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Jose’ Herrera u l-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi ndirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fil-Park tal-Inwadar, fil-liniti ta' Marsaskala, waqt li dalgħodu bdew xogħlijiet ta’ tindif mill-ħaddiema tad-Direttorat tat-Tindif u b’kollox ser ikunu qed jitneħħew mal-400 tunellata ta’ skart mill-Park tal-Inwadar.
Huwa stmat li mal-ħamsa u tletin ħaddiem qed jieħdu sehem f’din l-operazzjoni ta’ tindif bla preċedent, qal il-Ministru Joe Mizzi. Huwa spjega wkoll li ħafna mix-xogħol se jkun qed isir manwalment biex jiġu protetti l-flora u l-fawna li wieħed isib. Il-Ministru Mizzi ħabbar ukoll li se jkunu qed jittieħdu miżuri, permezz ta’ kameras, biex ir-rimi ta’ skart jitwaqqaf darba għal dejjem. Fil-fatt, se jiġu nstallati CCTV cameras f’kull entratura. Dawn huma identiċi bħal dawk li ntużaw f’diversi siti oħrajn, u li permezz tagħhom, is-sitwazzjoni ta’ rimi llegali ta’ skart ġiet eliminata totalment.
Il-Ministru tal-Ambjent Dr Jose’ Herrera qal li bl-azzjonijiet li qed jittieħdu, l-Gvern irid li dan is-sit jitrasformah minn miżbla nazzjonali għall-park nazzjonali.
Huwa qal li l-ħidma fuq dan il-proġett tinsab għaddejja b’ritmu tajjeb ħafna hekk kif fakkar li fi żmien relattivament qasir ġie ffinalizzat l-Management Plan Brief tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar u sussegwentament il-Gvern ħareġ Avviż legali li permezz tiegħu mal-kwazi elf tomna t’art ġiet iddikjarata bħala żona protetta. Fakkar li permezz ta’ dan l-Avviż legali, l-Gvern estenda l-konfini tal-park bi kważi erbgħa u erbgħin tomna minn dak li kien pjanat oriġinarjament li kien iffisser li mat-30,000 m2 t’art ittieħdu miż-żona ta’ żvilupp u tpoġġew f’żona barra l-iżvilupp.
Qal ukoll li l-ġimgħa li għaddiet ħatar il-Bord tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar u ggwidah biex bħala prijorita’ jagħtu mportanza lit-tindif ta’ din iż-żona li għal tant snin tħalliet mitluqa.
Il-Ministru Herrera qal li l-għan tal-Gvern huwa li jitrasforma din iż-żona minn stat ta’ telqa għal park attrajenti sabiex jiġu apprezzati l-valuri ambjentali, storiċi u kulturali ta’ pajjiżna u jitgawda mill-familji Maltin u anki minn min iżurna. Dr Herrera ħabbar li l-Gvern bħalissa qiegħed jaħdem ukoll sabiex jitwaqqaf Advisory Committee, ikkontemplat taħt il-liġi tar-rimi abbużiv tal-iskart fi spazji pubbliċi, sabiex jgħin fit-tisħieħ u l-infurzar tal-liġi.
Sadanittant dan l-eżerċizzju ta’ tindif kien qed isir propju fil-Ġimgħa Ewropea iddedikata għat-tnaqqis tal-iskart. Dwar dan il-Ministru Joe Mizzi qal li s-sena li għaddiet, il-Gvern investa mat-300,000 ewro f’makkinarju u l-ħsieb tal-Gvern hu li l-investiment ikompli biex ikollna l-prodott ta’ pajjiżna ħafna aħjar milli sibnieh.
“L-ewwel pass ta’ strateġija li użajna kien li kemm jista’ jkun nedukaw lill-poplu, pero issa għaddejjin ukoll għall-fażi tal-infurzar. Fi proġett konġunt mal-Pulizija, qed isiru diversi spezzjonijiet kuljum.” Il-Ministru Mizzi ħabbar li minn nofs Settembru, tħarrku ‘l fuq minn 150 persuna li nqabdu jarmu l-iskart illegalment. Dan juri biċ-ċar li l-Gvern kien u qed jagħmel id-dmir tiegħu, investa, eduka, wettaq il-ħidma u issa qed jenforza.
Huwa fakkar li s-sena li għaddiet, twaħħlu numru ta’ kameras tas-sigurta’ fosthom fis-subway fi Triq Sant Anna, il-Floriana, fi Triq il-Bombi, Floriana, tas-Sliema (The Strand), Birkirkara (Triq Ċensu Costa), il-Kalkara, Bormla u Manoel Island, fost l-oħrajn. Fil-ġimgħat li ġejjin se jitwaħħlu iktar sistemi fosthom f’San Pawl il-Baħar u l-Belt Valletta.