150 sodda oħra għall-anzjani bi sħab mal-privat

'Għall-anzjani tagħna għandna ħarsien sħiħ tad-dinjità li jistħoqqilhom'

Dalgħodu, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ħabbret ftehim għal xiri ta’ 150 sodda fid-dar tal-anzjani St Elizabeth fir-Rabat, Malta. Permezz ta’ ftehim iffirmat bejn il-Gvern u PrimeCare, il-Gvern beda juża 70 sodda u 80 oħra fl-estensjoni tad-dar residenzjali li mistennija titlesta sa Frar li ġej. 

Justyne Caruana fakkret li l-ippjanar fit-tul għal servizzi bħal dawn jiggarantixxi l-aħjar riżultati. Dan kompla joħroġ biċ-ċar proprju lbieraħ meta Malta ġiet meqjusa bl-ogħla rata ta’ anzjani li jgħixu fit-tul mingħajr limitazzjonijiet għall-attivitajiet li kienu mdorrijin bihom, fost il-pajjiżi kollha tal-UE. ‘‘Għall-anzjani tagħna m’għandniex biss sentiment ta’ rispett u gratitudni, imma wkoll ħarsien sħiħ tad-dinjità li tistħoqqilhom. Dan ir-riżultat inkiseb permezz ta’ ħidma kbira li għaddejja mhux b’inqas mid-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tas-segretarjat li mmexxi’’, qalet  Justyne Caruana.   

Is-Segretarju Parlamentari żiedet li dan il-ftehim bi sħab mal-investiment privat ikopri kull livell ta’ dipendenza għall-anzjani u jinkorpora fih l-istandards nazzjonali li kienu approvati dan l-aħħar. Fakkret kif proprju l-ġimgħa d-dieħla se tressaq għat-tieni qari fil-Parlament l-abbozz ta’ liġi li bih se titwaqqaf l-Awtorità tal-Istandards li tiggarantixxi l-livell u l-kwalità tas-servizzi u kundizzjonijiet oħra fid-djar kollha tal-anzjani.  Din l-awtorità se tara wkoll li kull dar ikollha staff ikkwalifikat biex jaqdi lir-residenti bl-iktar mod professjonali.

‘‘Il-Gvern huwa impenjat li mhux biss jipprovdi l-akkomodazzjoni imma wkoll jiggarantixxi li kemm l-ambjent tar-residenzi kif ukoll is-servizzi li jingħataw l-anzjani jkunu tal-aqwa kwalità. Irridu nserrħu ras l-anzjani tagħna u l-familji tagħhom li r-residenti jkunu mħarsa skont l-ogħla standards u pprovduti bl-aħjar livell ta’ servizzi’’, qalet is-Segretarju Parlamentari Caruana.

Hija qieset dan il-ftehim bħala wieħed innovattiv fis-sens li jinkludi għanijiet differenti bħalma huwa servizz ta’ respite u dak ta’ ċentru għal matul il-jum għall-anzjani bid-dimensja. Dr Caruana awgurat ukoll lit-team żagħżugħ fit-tmexxija ta’ din id-dar tal-anzjani li jieħu l-opportunità minn dan il-ftehim biex ikompli jipprovdi servizzi dejjem aktar professjonali. Il-ftehim juri wkoll l-impenn tal-Gvern li jaħdem mal-privat favur aktar investiment fil-qasam tal-kura tal-anzjani.

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana rringrazzjat lis-Segretarju Permanenti Mark Musù, lid- Direttur tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Patrick Vella, kif ukoll lid-diriġenti ta’ PrimeCare Limited għall-ħidma tagħhom biex jintlaħaq dan il-ftehim.

More in Politika