Waqt konferenza organizzata mill-Anti-Poverty Forum Malta bit-tema ‘Impenn għall-Kenn’, ir-riċerkatur u avukat Kurt Mizzi sostna li l-problema tal-prezzijiet tal-proprjetà u l-kirjiet għandha tiġi indirizzata b’mod aktar ħollistiku. Mizzi qal li filwaqt li l-partiti politiċi u l-imsieħba soċjali jemmnu li l-Gvern m’għandux jintervjeni dwar is-suq tal-kirjiet minħabba l-impatt fuq l-ekonomija, dan m’għandux ikun il-każ.
Mizzi sostna li l-Gvern għandu jaħdem biex isib soluzzjoni għal din il-problema sabiex jipprovdi id-dritt fundamentali tal-bniedem li jkun jiflaħ iħallas għal residenza.
Skont Mizzi, jidher li din is-sitwazzjoni hija waħda fejn l-istabbiliment qiegħed jagħmel minn kollox biex jipproteġi l-ekonomija a skapitu tan-nies.
“Ma jagħmilx sens li ż-żewġ partiti jkunu favur żieda fil-paga minima, u fl-istess ħin ikunu kontra l-kontroll fuq il-prezz tal-kirjiet,” saħaq Mizzi, hekk kif spjega li f’ħafna każi il-kera ta’ proprjetà tammonta għal nofs jew aktar mill-paga ta’ ħafna ħaddiema u li r-rata li biha jiżdied il-prezz tal-kirjiet hija ħafna aktar mgħaġġla minn dik taż-żieda fil-pagi. Għaldaqstant, l-avukat isostni li l-Gvern għandu jintervjeni fuq il-kontroll tal-kirjiet b’mod ġust kemm għas-sidien tal-proprjetà, kif ukoll għal dawk li jikru.
Skont Mizzi, għandha tkun prijorità bħalissa li jinħoloq pjan ħollistiku ta’ kif tiġi indirizzata din il-problema u jinżamm kontroll xieraq fuq is-suq. Huwa saħaq li ma jagħmilx sens li jiżdiedu s-sussidji għal faxxa partikolari tas-soċjetà biss, għaliex dan se jirriżulta biss għal żieda aktar fil-prezzijiet tal-kirjiet.
“Hemm bżonn li din il-kwistjoni tiġi kkunsidrata fl-interess ta’ min qed jikri. Ma jistax ikun li l-prezzijiet jiżdiedu kull sitt xhur. Hemm bżonn ukoll li jsir studju dwar iż-żidied fil-prezzijiet f’postijiet differenti ta’ Malta, għaliex mingħajr din l-informazzjoni ma’ nistawx insolvu l-problema,” temm jgħid Mizzi.
Intant saret ukoll diskussjoni ma’ APS Bank dwar skema ta’ self għal min għandu dħul baxx
Waqt il-konferenza, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ħabbar li se tiġi diskussa proposta li saret min-naħa ta’ APS Bank sabiex tinbeda skema ta’ self għall-persuni bi dħul baxx li jifilħu jħallsu loan iżda ma jifilħux iħallsu l-10% tas-self bil-quddiem.
Farrugia qal li din hi inizjattiva interessanti li tista’ tgħin lil ħafna persuni, hekk kif żied li qed isiru wkoll numru ta’ diskussjonijiet ma’ diversi kuntratturi sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kirjiet għoljin. Farrugia qal li permezz tal-irduppjar tas-sussidju se jkun hemm numru ikbar ta’ nies li jibbenefikaw u b’hekk jittaffew ftit id-diffikultajiet ta’ housing soċjali.
Il-Ministru Farrugia tkellem dwar il-proġett ta’ housing soċjali ta’ 50 miljun u fakkar li n-nies li se jgawdu minnu għaddejjin minn problemi soċjali. Għalhekk, mhu se jkun hemm l-ebda kompetizzjoni mal-privat, filwaqt li spjega li dan il-proġett se jagħti kenn soċjali għall-persuni bi dħul baxx.
Farrugia rrefera wkoll għal-liġijiet li għandhom iħarsu lill-inkwilin iżda fl-istess ħin jaraw li ma jsirx abbuż. Fakkar li huwa importanti ferm li ma’ kull kirja jsir kuntratt sabiex kulħadd ikun protett bil-liġi.
‘‘Ma nistgħux inħallu persuni jgħixu f’riskju ta’ faqar jew jiddependu biss fuq il-benefiċċji soċjali. Huwa għalhekk li qed naħdmu sabiex ngħinu aktar nies jimxu ‘l quddiem’’, temm jgħid il-Ministru Farrugia.