'Huwa neċessarju naqilbu għall-gass imma rridu noqogħdu attenti…’ - AD

L-Alternattiva Demokratika mħassba dwar is-sigurtà tal-impjant tal-gass

Alternattiva Demokratika qed tillimita s-sottomissjonijiet tagħha għar-rapport tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u dan minħabba li minkejja li kien hemm estensjoni ta’ żmien f’din il-konsultazzjoni pubblika, l-ammont ta’ dokumentazzjoni rilaxxjata kien wieħed voluminuż u ma kienx hemm ħin biżżejjed biex din tkun eżaminata bir-reqqa meħtieġa.

Ir-rapport intitolat External Emergency Plan imħejji mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu parti minnu nieqsa. Fil-paġna 21 ta’ dan ir-rapport hemm it-titlu tas-sezzjoni : Section B Operational. Imbagħad fil-paġna immedjatament warajha hemm nota li tinfurmana illi l-kumplament tas-sezzjoni hi nieqsa minħabba illi kieku din l-informazzjoni kellha tkun ippubblikata, din il-pubblikazzjoni tkun ta’ theddida għas-siġurtà nazzjonali.

Hu sottomess li d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea magħrufa bħala Seveso III u intitolata “Directive 2012/18/EU of the European Parliament and of the Council of 4 July 2012 on the control of major-accident hazards involving dangerous substances, amending and subsequently repealing Council Directive 96/82/EC”  kif anke implimentata fil-leġislazzjoni Maltija permezz tar-Regolamenti tal-2015 dwar il-Kontroll ta’ Perikli ta’ Inċidenti Kbar [avviz legali 179/15] jobbligaw li jkun hemm konsultazzjoni fuq il-pjan estern ta’ emerġenza dwar l-impjant taħt konsiderazzjoni. 

Dan il-pjan esterna ta’ emerġenza, skont l-iskeda IV u l-iskeda V tar-Regolamenti tal-2015 dwar il-Kontroll ta’ Perikli ta’ Inċidenti Kbar [avviż legali 179/15] jeħtieġ li jkun fih bosta dettalji inkluż dwar x’inhu mistenni kemm mill-pubbliku kif ukoll mill-komunità kummerċjali.

Il-konsultazzjoni meħtieġa ma saritx u ma tistax issir u dan minħabba illi l-informazzjoni essenzjali għal din il-konsultazzjoni ġiet miżmuma milli tkun ippubblikata u dan kontra dak li jipprovdu r-regolamenti hawn fuq ċitati. Imkien, fl-imsemmija Direttiva jew regolamenti, ma hemm awtorizzazzjoni jew referenza għal xi ċirkustanzi li a bażi tagħhom l-informazzjoni meħtieġa tista’ tkun miżmuma mill-pubblikazzjoni.

Huwa essenzjali li l-pubbliku jkun infurmat bil-miżuri ppjanati għall-ħarsien tiegħu f’każ li jseħħ inċident bħala riżultat tal-operazzjoni tal-impjant. Huwa biss billi jkun infurmat b’dawn il-miżuri li l-pubbliku jista’ jipparteċipa fl-eżerċiżżji dwar l-implimentazzjoni eventwali tagħhom u b’hekk tkun assigurata l-possibilità li l-pjan ta’ emerġenza jkun wieħed fattibbli.

Għaldaqstant hu sottomess illi għandha  tkun ippubblikata mingħajr dewmien l-informazzjoni nieqsa biex tkun tista’ ssir il-konsultazzjoni pubblika meħtieġa.  

More in Politika