Transport Malta m’għadhiex toħroġ liċenzji ġodda għal parkers

TM tgħid li l-parkers mhumiex obbligati li jiddikjaraw id-dħul tagħhom

Transport Malta, li hija l-entità li tirregola l-operat tal-car park attendants jew kif inhuma magħrufa aħjar, parkers, qalet kif liċenzji ġodda għal dan ix-xogħol m’għadhomx jiġu maħruġa. Minkejja dan, f’kummenti ma’ din il-gazzetta, TM qalet li għadha biss iġġedded il-liċenzji tal-parkers eżistenti kull sena. Dan ifisser li filwaqt li d-dritt tal-impjieġ tal-car park attendants qiegħed jiġi miżmum, biż-żmien, hekk kif il-parkers eżistenti jirtiraw, din il-professjoni se ssir ħaġa tal-passat.

Fil-ħarġa tal-ILLUM tat-13 ta’ Novembru, din il-gazzetta kienet irrapportat dwar id-dilemma li jkollhom uħud meta parker jitlobhom il-flus wara li jkunu pparkjaw f’parkeġġ publiku u dwar x’benefiċċji se jieħdu, jew il-vetturi tagħhom billi jagħtu xi ħaġa tal-flus lil dan il-bniedem.

Dan kien tqajjem ukoll waqt seduta Parlamentari, fejn id-Deputat Luciano Busuttil kien saqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura dwar xi pjan għandu l-Gvern dwar fuq il-parkeġġi bil-parkers. Ir-risposta tal-Ministru Joe Mizzi kienet Ii l-Gvern m’għandu l-ebda pjan għal xi tibdil dwar dan. Allura tajjeb li wieħed ikun jaf kif inhuma l-affarijiet bħalissa.

Kelliema għal Transport Malta spjegat li s’issa, l-iskop tal-operat tal-car park attendants huwa li jkun żgurat id-dħul, il-parkeġġ u l-ħruġ ordnat tal-vetturi fil-parkeġġi pubbliċi.

L-ILLUM staqsiet ukoll lil TM jekk huwiex legali li dawn il-parkers jitolbu, u ġieli jippretendu ‘donazzjoni’ minn min jipparkja fil-parkeġġ. Il-kelliema għal Transport Malta iċċarat il-fatt li għalkemm m’hemm ebda obbligu fuq is-sewwieqa biex iħallsu jew biex jagħtu donazzjoni lill-car park attendants talli jużaw parkeġġi pubbliċi, ir-regolamenti jipprovdu li l-car park attendants għandhom permess li jżommu kull donazzjoni li jistgħu jirċievu mingħand is-sewwieqa.

Il-kelliema ta’ Transport Malta fakkret li jekk ikun hemm ksur tal-liġi meta car park attendant b’xi mod jobbliga lis-sewwieqa biex ituh donazzjoni, jitlob ammont partikolari jew iġib ruħu b’mod ħażin jew mhux xieraq, dan għandu jiġi rrappurtat lil Transport Malta, sabiex jittieħdu l-passi dixxiplinarji neċessarji.

Kummenti oħrajn li rċeviet din il-gazzetta, tefgħu dawl fuq il-fatt li meta l-car park attendants jirċievu d-donazzjonijiet, li f’każi ta’ parkeġġi kbar, speċjalment f’postijiet bħall-Belt Valletta jew ħdejn il-baħar fix-xhur tas-sajf, id-donazzjonijiet faċli jammontaw għal mijiet u eluf ta’ ewro f’ġurnata, u ma jiġux iddikjarati u li fuqhom la titħallas taxxa u lanqas VAT. Meta l-ILLUM ressqet din il-mistoqsija lil Transport Malta, ir-risposta kienet li m’hemm ebda obbligu fuq il-car park attendants sabiex jiddikjaraw id-dħul tagħhom minn donazzjonijiet lill-Awtorità.

More in Politika