‘Din id-deċiżjoni ma tagħmilx sens’

Sorsi jitkellmu dwar diżappunt qawwi u anke rabja fil-Partit Laburista għas-sentenza tal-Qorti nhar il-Ġimgħa li ħallietu b'maġġoranza ta' seba' siġġijiet

Simon Busuttil waqt ir-rally ta’ dik li sejħilha rebħa
Simon Busuttil waqt ir-rally ta’ dik li sejħilha rebħa

Għalkemm matul il-jum tal-bieraħ il-Kummissjoni Elettorali ħabbret illi Edwin Vassallo u Peter Micallef se jkunu eletti Deputati wara li l-Gvern tilef l-appell kontra l-Kawża Kostituzzjonali li fetaħ il-PN, id-deċiżjoni tal-Qorti xorta mistennija tkompli tiġġenera ħafna diskussjoni u anke diżappunt.

Fi ċrieki Laburisti d-diżappunt huwa palpabbli ħafna, mhux biss minħabba li tilef appell li l-partit ħass li kellu bażi soda biex jirbaħ imma iktar minn hekk għax kif ġew l-affarijiet issa, b’maġġoranza ta’ seba’ siġġijiet, il-Partit Laburista huwa mingħajr ir-rappreżentanza adegwata li tirrifletti maġġoranza ta’ 36,000 vot. Fil-fatt, fl-2003 il-PN kien rebaħ l-elezzjoni ġenerali b’12,100 vot u dan tah maġġoranza ta’ ħames siġġijiet Parlamentari. B’maġġoranza ta’ 23,000 vot iktar minn dik tal-PN fl-2003, il-Partit Laburista issa se jkun rebaħ biss żewġ siġġijiet iktar, biex ikollu maġġoranza ta’ sebgħa. Dan qed jirrifletti l-fatt li għalkemm il-PN kellu jirbaħ siġġu wieħed, jiġifieri dak li se jokkupa Edwin Vassallo, se jkun qed jingħata siġġu ieħor biex it-total ta’ Deputati fil-Parlament ikun b’numru fard (odd number) mhux biż-żewġ (even number).

Sors li tkellem mal-ILLUM qal li din id-deċiżjoni sempliċiment ma tagħmilx sens, speċjalment meta wieħed iqis li r-riżultat elettorali ta lill-Partit Laburista 13-il siġġu aktar mill-PN, imbagħad kif jiġri dejjem is-sistema aġġustat il-maġġoranza għal disa’ siġġijiet. “Ejja nimmaġinaw għal mument li dan l-iżball ma sarx fl-għadd tal-voti u allura l-PN ingħata ż-żewġ siġġijiet mill-ewwel. Il-PL kien ikollu maġġoranza ta’ 11-il siġġu li sussegwentement jinżlu għal disgħa u l-formazzjoni Parlamentari ma kinitx tiġi mbagħbsa kif ġiet. Din id-deċiżjoni, sempliċiment ma tagħmilx sens, iktar u iktar,” kompla jgħid is-sors, “meta tqis illi l-PN kien diġà fetaħ kawża tlett ijiem wara l-elezzjoni biex jitlob rimedju u tilef.” 

Intant fl-artiklu ta’ kull nhar ta’ Ħadd fuq din il-gazzetta (ara paġna 17) l-Ministru Owen Bonnici jistqarr illi jinsab imħasseb bil-preċedent li ħolqot din is-sentenza u staqsa x’kien jiġri kieku minflok gvern b’maġġoranza ta’ tmien siġġijiet (wara r-riżenja ta’ Marlene Farrugia) illum hemm Gvern b’maġġoranza ta’ siġġu wieħed.

‘Hija ferm perikoluża li hija l-Qorti li qed tiddeċiedi n-numru ta’ siġġijiet fil-Parlament’
Fl-artiklu tiegħu Bonnici jistaqsi hekk: “X’kien jiġri kieku flok f’leġiżlatura fejn il-Gvern igawdi minn disa’ siġġijiet maġġoranza bħalma għandna llum, kellna leġiżlatura, bħalma kellna ftit ilu, fejn il-Gvern igawdi minn siġġu biss maġġoranza?” Is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM u li xtaqu jibqgħu anonimi minħabba li huma qrib ħafna tal-Qorti sostnew li jista’ jkun illi f’dak il-każ il-Qorti kienet tagħti siġġu lill-Oppożizzjoni, li jġib it-total f’pari biex imbagħad terġa’ tagħti siġġu ieħor lill-Gvern biex dan iżomm l-maġġoranza, “b’hekk fl-aħjar xenarju f’dan il-każ ipotetiku imma li b’dan il-preċedent jista’ jiġri niġu ċikkumbriku, kollox kif kien qabel imma b’aktar deputati.”

“Hija xi ħaġa ferm perikoluża li l-Qorti tiddeċiedi n-numru ta’ siġġijiet fil-Parlament, meta għandek mekkaniżmu li jagħtik tlett ijiem biex tappella jew titlob recount u meta dak ir-recount intalab mill-PN u ma ngħatalux.”

Ir-riperkussjonijiet politiċi tas-sentenza
Intant lil hinn mis-sentenza tal-Qorti huma bosta dawk li qed jistaqsu x’jistgħu jkunu r-riperkussjonijiet politiċi. Filwaqt li fil-Parlament din il-bidla mhux mistennija tagħmel xi differenza, għajr li jiżdiedu Edwin Vassallo u Peter Micallef fil-lista tad-Deputati, politikament din is-sentenza se sservi biss biex jissaħħu l-għeruq taż-żewġ partit, speċjalment tal-Partit Laburista.

Fil-verità din id-deċiżjoni tat lil Muscat iċ-ċans li jerġa’ jilgħab il-karta tal-‘underdog’ b’element ta’ suċċess. Xi ħaġa li bosta esponenti tal-PL (ara opinjoni ta’ Rosianne Cutajar fuq paġna 20)  diġà qed jagħmlu. Apparti minn hekk jidher illi din id-deċiżjoni tista’ taffetwa lil dak is-settur ta’ Laburisti li jħossu li s’issa m’għandhomx jivvutaw, imma li jista’ jkun li jibdew jaħsbuha darbtejn fid-dawl tar-reazzjoni tal-PN.

Fil-fatt ir-reazzjoni tal-PN u Simon Busuttil għalkemm dehret fost ħafna bħala sproporzjonata u eseġerata kienet magħmula apposta biex tqawwi qalb l-għeruq, hekk kif teżisti ċerta rabja u anke frustrazzjoni għall-fatt li kemm l-istħarriġ tal-Maltatoday u anke dak tal-Malta Independent juri lill-Partit Laburista fuq quddiem u lil Muscat ħafna iktar ’l quddiem f’kemm hu fdat mill-votanti. Ma’ dawk li mhumiex għeruq id-deċiżjoni li jsir rally ta’ dik li qed isejħilha ‘rebħa’ dehret bħala deċiżjoni xi ftit redikola u trijonfalista żżejjed. 

More in Politika