Matul l-2015, 3.5% tal-persuni li jgħixu f’residenzi privati, jew 14,851 persuna jgħixu f’residenzi li huma meqjusa bħala ffullati.
Residenza tiġi meqjusa bħala ffullata jekk fost l-oħrajn, id-dar ma jkollhiex kamra għal kull koppja li tgħix fid-dar, kamra għal kull persuna adulta ta’ iktar minn 18-il sena, jew kamra għal kull żewġt itfal.
Dan deher minn statistika dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet tal-għajxien, ibbażata fuq l-2015, u ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
L-akbar ammont tad-djar, b’31% kellhom ħamest ikmamar fir-residenza tagħhom. Dawn il-kmamar jinkludu l-kċina, kmamar tal-banju, kmamar tal-pranzu salotti, studju u basements li huma abitabbli. Min-naħa l-oħra, 23% kellhom sitt ikmamar, waqt li kienu 19.4% biss tar-residenzi li kellhom sebat ikmamar jew iktar.
Fi studju li jsir fuq erba’ snin fost 4,300 residenza f’Malta, ħareġ kif inqas min-nofs, jew 44% tan-nies kienu jgħixu fi djar, waqt li l-bqija, jiġifieri 56% jgħixu f’appartamenti jew maisonettes.
Minn dawn ir-residenzi, kienu ftit iktar minn tliet kwarti tagħhom li tagħhom, ir-residenti huma s-sidien. Minn dawn is-sidien, iktar minn tliet kwarti tagħhom kienu sidien mingħajr djun jew self x’joħorġu.
Irriżulta kif persuni li fil-fatt jgħixu f’residenzi li huma ffullati, għandhom tendenza li r-rata ta’ deprivazzjoni materjali u faqar monetarju kienet sostanzjalment iktar għolja mill-bqija tal-popolazzjoni. Fil-fatt, waqt li r-rata ta’ riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali hija ta’ 22.4%, din ir-rata iktar milli rduppjat u telgħet għal 52%, jiġifieri ikta minn 7,750 persuna meta tikkunsidra biss dawk il-persuni li jgħixu fi djar iffullati.