Ħaddieħor moħħu fl-elezzjoni li għaddiet, aħna ffukati fuq il-futur

 "kif tispjega li maġġoranza ta’ 13,000 kienet tat ħames siġġijiet maġġoranza u mbagħad maġġoranza ta’ 36,000 tagħti biss 7 siġġijiet maġġoranza u mhux iktar?"

Dak li ġara din il-ġimgħa juri ħaġa waħda.  Li l-Kap tal-Oppożizzjoni għadu moħħu f’dak li ġara tliet snin ilu u iktar. Min-naħa l-oħra l-Gvern iffokat mija fil-mija fuq il-futur biex inkabbru x-xogħol u l-investiment f’pajjiżna. Diġà kelli l-opportunità li nitkellem pubblikament dwar is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li ngħatat din il-ġimgħa u ma nħossx li għandi nirrepeti l-istess argumenti hawnhekk.

Li rrid nisħaq però li l-Gvern, anke wara d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali għandu l-ikbar maġġoranza ta’ siġġijiet fl-istorja ta’ pajjiżna mill-Indipendenza ’l hawn.  Għalhekk il-Gvern kien b’saħħtu, għadu b’saħħtu u se jibqa’ b’saħħtu. U ovvjament, ir-riżultat ta’ tliet snin u nofs ilu, meta l-poplu ta maġġoranza ta’ 36,000 vot u iktar lil Joseph Muscat ma jħassru ħadd.

Waqt li ħaddieħor iffokat fuq il-passat, aħna se nkomplu naħdmu għal futur aħjar.

Voti-siġġijiet

Wara d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali ta’ din il-ġimgħa m’għandix dubju li se jqumu diskussjonijiet u se nisimgħu opinjonijiet dwar il-bżonn li l-ammont ta’ voti miġjuba jkunu riflessa kemm jista’ jkun b’mod korrett fl-ammont ta’ siġġijiet. Għaliex kif tispjega li maġġoranza ta’ 13,000 kienet tat ħames siġġijiet maġġoranza u mbagħad maġġoranza ta’ 36,000 tagħti biss 7 siġġijiet maġġoranza u mhux iktar?

Tagħmel sens sitwazzjoni fejn, jekk irridu nirriduċuha għal argument sempliċi u ċar, bniedem jagħżel lill-Partit Laburista u mbagħad jispiċċa jiġi rrappreżentat fil-Parlament minn membru tal-Partit oppost?  Issa, iktar u iktar, għax issa se jkun hemm siġġu favur l-Oppożizzjoni mhux għax jirrifletti l-voti imma sempliċement biex in-numri jiġu bil-fard u mhux biż-żewġ.

Preċedent

Imħasseb ukoll dwar il-preċedent li ħolqot din is-sentenza fuq iċ-ċertezza li għandu bżonn dan il-pajjiż. Issa ġie stabbilit li l-Qrati għandhom dritt li fi kwalunkwe żmien tal-leġiżlatura, anke f’nofsha, fuq talba ta’ xi ħadd li jallega u jipprova żball jiddeċiedu li jbiddlu l-ammont ta’ membri parlamentari.

X’kien jiġri kieku flok f’leġiżlatura fejn il-Gvern igawdi minn 9 siġġijiet maġġoranza bħalma għandna llum, kellna leġiżlatura, bħalma kellna ftit ilu, fejn il-Gvern igawdi minn siġġu biss maġġoranza?  Jiżdiedu l-membri tal-Oppożizzjoni, imbagħad jerġgħu jiżdiedu tal-Gvern bl-emendi tal-1987 u nispiċċaw b’Parlament ta’ 73?  Jew tiddeċiedi l-Qorti wkoll din il-ħaġa?

Nittama li wieħed jirrealizza li xi darba - 10, 20, 30 sena oħra - din iċ-ċirkostanza se nsibuha quddiem wiċċna. 

Permessi ta’ residenzi

Bil-pożizzjoni tagħha kontra l-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza għal min ħaqqu, l-Oppożizzjoni qed terġa’ turi li hija kontra l-interessi tat-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna, anke f’setturi li mexjin ’il quddiem. L-Oppożizzjoni qed titfa’ bl-addoċċ u bla ebda provi dubji fuq l-aġenzija Identity Malta.  Dawn id-dubji huma eżattament bil-maqlub tal-pożizzjoni ta’ min iħaddem li spiss jappellaw lill-Gvern biex joħroġ aktar permessi lill-ħaddiema li jaħdmu f’oqsma fejn hemm bżonn.

Bħalissa qed naraw żidiet importanti fil-ħruġ ta’ permessi fil-kategorija tax-xogħol li huwa sinjal pożittiv ta’ ekonomija li qed tikber u pagi attraenti f’numru ta’ oqsma. Ma’ dawn kien hemm żieda fil-kategorija tal-membri tal-familja, żieda li ġiet riflessa bl-istess mod madwar il-kumplament tal-Ewropa. Din il-kategorija tiġbor fiha wkoll ċittadini ta’ pajjiż terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadini Ewropej li jgħixu u jaħdmu f’Malta.

Hemm ukoll skopijiet edukattivi, b’ħafna tfal li jistudjaw fi skejjel privati f’Malta u, minħabba li huma minuri, jinsabu akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom.

Kif tispjega li maġġoranza ta’ 13,000 kienet tat ħames siġġijiet maġġoranza u mbagħad maġġoranza ta’ 36,000 tagħti biss 7 siġġijiet maġġoranza u mhux iktar? Ministru Owen Bonnici

Il-kampanja negattiva ta’ Simon Busuttil, bil-mezzi kollha tiegħu, hija bbażata fuq żbalji bażiċi. Mhu minnu xejn li ngħataw 14,000 permess ta’ residenza lil-Libjani. Kieku kellu d-diċenza mqar jivverifika ċ-ċifri, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien jinduna li l-Libjani residenti f’Malta f’sena waħda naqsu b’912, minn 3,486 fl-2014 għal 2,574 fl-2015.

L-Oppożizzjoni tagħmel tajjeb li tifhem ukoll li ma jfissirx lanqas li ħarġu dawn in-numri ta’ permessi f’sena imma li fl-aħħar tas-sena kien hemm dawk l-ammonti bil-permess validu.

Simon Busuttil qed jikkwota statistika b’mod żbaljat fuq pajjiżi żgħar li bilfors jirreġistraw rati għoljin. Il-verità hija li mill-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea nħarġu 2.6 miljun permess ta’ residenza għall-ewwel darba u għalhekk in-numri ta’ Malta huma meta mqabblin mal-ammont globali – lanqas nofs punt perċentwali.

Flok tattakka bl-addoċċ, l-Oppożizzjoni għandha tgħid minn fejn biħsiebha tnaqqas il-permessi ta’ residenza. Mill-IIP? Mill-ħaddiema li hemm bżonn fosthom fl-isptarijiet pubbliċi? Mit-turiżmu mediku fil-privat? Mill-qasam tal-edukazzjoni? Mill-barranin li żżewġu Maltin?

Valletta2018

Iktar kemm jgħaddi ż-żmien, iktar qed nirrealizza li l-proġett Valletta 2018 irid ikun suċċess anke billi jġib lill-kommunità’ u residenti tal-Belt tħossha parti minn din l-esperjenza. Jason Micallef qed jagħmel xogħol tajjeb immens f’dan ir-rigward u m’għandix dubju li se jkompli jirranka dan l-aspett fil-ġimghat u x-xhur li ġejjin.

 

 

 

More in Politika