F'intervista li ħarġet fuq il-gazzetta l-ILLUM, tkellimna ma' Andrè Callus, mill-Moviment Graffiti, dwar il-masterplan ta' Paceville u l-oġġezzjoni lejh. Dan is-suġġett wassal ukoll għal kwistjoni oħra li Andrè Callus, flimkien mal-Graffiti u għaqdiet soċjali oħrajn qegħdin jitkellmu dwaru, dak taż-żieda fil-paga minima nazzjonali u l-impatti li l-paga kif inhi qegħda tħalli fuq il-ħajja soċjali u ekonomika tal-ħaddiem Malti.
Waqt proposti ta' żvilupp kbar bħal dawk ta' paceville, Sliema, Mrieħel u oħrajn, punt li jissemma ta’ spiss ikun dejjem li dawn l-iżviluppi se jġibu tkabbir ekonomiku u xogħol, AndrèCallus qal li għandu d-dubji, speċjalment dwar it-tip ta’ xogħol li tiġġenera l-kostruzzjoni. Huwa qal li x-xogħol ikun biss wieħed temporanju u mħallas ħażin sakemm tinbena l-blokka; imbgħad jieqaf hemm. “Mhux qed ngħid li l-kostruzzjoni għandha tieqaf, imma li nibbażaw l-ekonomija Maltija fuq il-kostruzzjoni biss, hija ħaġa żbaljata. Ma jistgħux jinqerdu spazji pubbliċi u jittieħdu d-djar tan-nies f’isem perjodu ta’ xogħol temporanju.”
Callus issokta jispjega li dan huwa eżempju ċar ta’ ‘trickle down economics’, fejn jiġu aġevolati l-iżviluppaturi bl-għotja ta’ art u sussidji varji, bit-tama li l-bqija tal-poplu, jieħu xi ħaġa żgħira mill-frott tal-iżvilupp.
‘Jekk il-paga minima ma togħlix, ifisser li l-pajjiż ibbażat fuq iċ-cheap labour’
B’rabta mal-effetti fuq l-ekonomija u l-ġid finanzjarju li jgawdi minnu l-poplu, din il-gazzetta staqsiet dwar l-involviment ta’ Callus u tal-Moviment Graffiti fil-Kampanja Favur Paga Minima Diċenti, hekk kif flimkien ma’ 15-il għaqda oħra qed jipproponu żieda fil-paga minima nazzjonali.
André spjega kif id-diskors dwar il-paga minima mhux xi ħaġa ġdida u lanqas xi ħaġa li qed issir Malta biss. Infatti huwa spjega kif fil-Ġermanja per eżempju, żdiedet il-paga minima minkejja l-istess argumenti dwar l-effett fuq l-ekonomija li qed jissemmew hawn Malta. Wara li żdiedet il-paga, mhux talli ma ġrawx it-traġedji li beżgħu minnhom, iżda l-ekonomija tant marret għall-aħjar, li din is-sena se jerġgħu jżiduha.
Jekk il-paga minima ma togħlix, ikun ifisser li l-ekonomija ta’ Malta mhux vera sejra tajjeb, iżda hija bbażata biss fuq iċ-cheap labour
Andrè Callus
Callus saħaq fuq il-fatt li bil-paga minima li għandna bħalissa Malta, wieħed ma jistax jgħix ħajja diċenti u li huma qed jissuġġerixxi li tiżdied bi ftit, li minkejja li ttejjeb l-aspett ekonomiku bi ftit, itejjeb ħafna aktar l-aspett soċjali u l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema. “Aktar mill-aspett finanzjarju, il-punt kardinali dwar iż-żieda fil-paga minima huwa dak soċjali, id-dritt bażiku li ħaddiem jitħallas paga xierqa u diċenti għax-xogħol li qed jagħmel.” Dwar l-aspetti ekonomiċi, André jgħid li anke skont ekonomisti, żieda fil-paga ġġib ukoll titjib fl-ekonomija.
“Jekk il-paga minima ma togħlix minħabba li jekk togħla, ikollhom jogħlew il-pagi l-baxxi l-oħra wkoll, ikun ifisser li l-ekonomija ta’ Malta mhux vera sejra tajjeb, iżda hija bbażata biss fuq iċ-cheap labour,” temm jgħid Callus.