Inqas ħin tistenna l-warden wara li tiġi rrappurtata ħabta
L-istennija se tonqos għal ‘inqas minn 30 minuta’ hekk kif aktar wardens se jitħarrġu fl-assistenza għall-inċidenti
More in Politika
L-istennija se tonqos għal ‘inqas minn 30 minuta’ hekk kif aktar wardens se jitħarrġu fl-assistenza għall-inċidenti
Is-sewwieqa li jkunu nvoluti f’ħabta se jibdew jistennew inqas minn 30 minuta biex jiġu assistiti minn warden wara li jirrappurtaw il-ħabta.
“Dan se jkun possibli permezz ta’ riforma fis-sistema li se tiġi implementata dalwaqt,” tenna s-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo waqt konferenza fil-kwartieri tal-Aġenzija għas-sistema tal-Infurzar Lokali (LESA). Buontempo ħabbar ir-riforma li ddeskriva bħala waħda li se tagħmel is-sistema aktar effiċjenti.
“Nafu li bħalissa l-Warden ġieli jdum bejn siegħa u sagħtejn biex jasal fuq il-post tal-ħabta, u ġieli anke ma’ jasal qatt. Din ir-riforma nħolqot għaliex irridu nnaqsu l-ħin tar-rispons tal-Wardens,” qal Buontempo.
Huwa qal li n-numru ta’ Wardens imħarrġa fir-rispons għall-inċidenti tat-traffiku żdied minn 12 għal 15, u li l-vetturi disponibbli għal dan is-servizz żdiedu minn 4 għal 5. Min issa, kull reġjun ta’ Malta se jkollha wkoll tim ta’ respons speċifiku għalih. Minbarra dan, kull warden fit-triq issa se jkun kapaċi jassisti f’każ ta’ kolliżjoni sakemm jasal it-tim speċjalizzat.
Bountempo qal li fl-2015 ġew irrapportati total ta’ 10,800 ħabta, liema numru diġà żdied għal 10,182 din is-sena.
Is-CEO tal-LESA, Ray Zammit, saħaq li issa l-wardens se jibdew jassistu fil-każi ta’ ħbit “bumper to bumper”, billi jipprovdu l-formoli neċessarji lis-sewwieqa li ma jkollhomx, kif ukoll ikollhom l-awtorità li jċaqalqu l-karozzi minn nofs it-triq sabiex ma jibqgħux iżommu t-traffiku.
Buontempo żied jgħid li parti oħra mir-riforma se tkun il-ħolqien ta’ numru ġdid li fuqhu jċemplu s-sewwieqa.
“Personalment naħseb li bħalissa n-numru huwa diffiċlu biex wieħed jiftakru. Qed naħdmu biex ikun hemm numru b’xejn bi tliet numri biss,” qal Buontempo.
Zammit temm jispjega li din ir-riforma se tkun parti minn serje ta’ riformi li qed jiġu mħejjija bħalissa. Huwa qal li tul ix-xhur li ġejjin, il-LESA se tniedi kampanja dwar it-tipjip fil-karozza fil-preżenza tat-tfal, flimkien ma’ sistema ta’ twissijiet bħala parti minn kampanja edukattiva.