Illum daħlet fis-seħħ liġi ġdida li tintroduċi d-dritt għall-assistenza legali waqt l-interrogazzjoni jew arrest u diversi drittijiet oħra għal persuni taħt investigazzjoni jew arrest.
Fi stqarrija l-Gvern spjega kif iċ-ċittadini Maltin mil-lum bdew igawdu garanziji u drittijiet li ċittadini oħra f’numru ta’ pajjiżi l-iktar avvanzati ilhom igawdu snin kbar. Dawn huma garanziji u drittijiet favur iċ-ċittadini fl-iktar mumenti delikati għalihom.
B’hekk se jkollna sistema ta’ ġustizzja kriminali li tkun affidabbli u li tassigura iktar li ma jinstabux nies ħatja f’ċirkostanzi fejn ikun hemm dubju dettat mir-raġuni dwar jekk il-ġustizzja saritx jew le. Il-Pulizija wkoll, bis-sistema l-ġdida, se tkun protetta kontra insinwazzjonijiet u allegazzjonijiet fiergħa li ġieli jsiru dwar il-mod kif ikun tittieħed statement. Illum l-Avukat tal-interrogat stess se jkun ukoll xhud ta’ kif saru l-affarijiet u se jkun jista’ ukoll jipparteċipa fl-interrogatorju b’mod illi jistaqsi domandi jew jagħmel rimarki kif permess mill-proċedura.
Gvern preċedenti kien ilu jkaxkar saqajh fuq dan id-dritt ġdid is-snin, b’konsegwenzi serjissimi li lkoll nafu dwarhom. Dan il-Gvern, kuntrarju għal dan, mexxa ’l quddiem proċess legislattiv bil-galbu u ppjanat li wassal biex illum din il-liġi l-gdida daħlet fis-seħħ.
Minkejja li se jkun il-Gvern Laburista li jintroduċi dan id-dritt, kien l-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono li l-ewwel qajjem din il-kwistjoni kollha meta kien għadu jagħmel parti minn Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Debono kien saħaq diversi drabi li dan id-dritt kellu jiddaħħal mill-aktar fis, talba li waqgħet fuq widnejn torox, sal-lum.