[Aġġornata] 'Tibqax titfa' t-tajn biex tipprova tħammiġni' - Owen Bonnici lil Jason Azzopardi

Is-sedja stiednet lil Azzopardi jirtira l-kliem “Owen Bonnici inqabad jigdeb fil-Parlament” u jekk dan ma jseħħx, is-sedja tipproċedi 

Id-Deputat Jason Azzopardi
Id-Deputat Jason Azzopardi

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici laqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Ispeaker tal-Kamra ta’ Rappreżentanti iktar kminei ilejla dwar każ ta’ ksur ta’ privileġġ kontra l-Membru Parlamentari Jason Azzopardi. Azzopardi kien qal diversi drabi li l-Ministru gideb meta fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi xehed dwar il-kuntratt ma’ Henley and Partners. Il-Ministru Bonnici poġġa fuq il-mejda tal-kamra dokumenti u traskrizzjoni li juru li dan mhux il-każ, u li għalhekk Azzopardi qed iqarraq.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li s-sedja rat ix-xhieda kollha li ta l-Ministru Bonnici li jmorru lura għall-2015 u spjega diversi raġunijiet għaliex is-sedja tat raġun lil-Minisitru.  Interessanti li wieħed jinnota li l-Ispeaker qal li meta Azzopardi kkummenta fuq Twitter li Bonnici gideb, ma rax ix-xhieda kollha ta’ Bonnici. “Is-sedja lanqas jidrilha li l-onorevoli talab xi forma ta’ kjarifika,” qal l-Ispeaker li ddeskriva d-diskors ta’ Azzopardi bħala mhux aċċettabbli fil-lingwaġġ parlamentari.

Is-sedja stiednet lil Azzopardi jirtira l-kliem “Owen Bonnici inqabad jigdeb fil-Parlament” u jekk dan ma jseħħx, is-sedja tipproċedi skont ir-regoli Parlamentari. Il-Ministru Owen Bonnici jittama li din id-deċiżjoni tħeġġeġ lil Azzopardi jimmatura u jibqax għaddej fil-kantaliena li jitfa’ tajn mingħajr ebda bażi, bl-intenzjoni li jtappan inġustament isem Ministru tal-Gvern. 

'Mhu se nirtira l-ebda verità' - Jason Azzopardi

B’referenza għall-istqarrija tal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u d-deċiżjoni tal-Ispeaker, Azzopardi sostna li l-ebda verità" mhi se tiġi rtirata u għalhekk, id-deċiżjoni se tkun appellata. Inħares ‘il quddiem biex il-verità tkompli toħroġ f’dibatittu Parlamentari biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun jaf kif u għaliex il-Ministru tal-Ġustizzja nqabad jigdeb dwar il-commissions ta’ Henley & Partners mill-bejgħ tal-passaport Malti.

"Owen Bonnici - li suppost jiddefendi l-ġustizzja f’pajjiżna - messu jikber u jieqaf juża l-Parlament bħala kangaroo court, fejn issa, dan il-każ jiġi deċiż f’Parlament li għandu maġġoranza tal-Gvern," temm jgħid Azzopardi. 

More in Politika