'L-emendi fil-liġi tal-Malti se jdgħajfu l-lingwa...'

L-Akkademji tal-Malti u l-għaqdiet li jaħdmu favur l-ilsien Malti qegħdin jitolbu lill-Ministru Bartolo, biex jibża’ għall-ilsien nazzjonali u ma jħottx dak li l-għaqal  u s-serjetà bnew fis-snin li għaddew...

Fi stqarrija maħruġa mill-Akkademja tal-Malti, flimkien mad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, id-Dipartiment tal-Malti fil-Kulleġġ tal-Università, l-Istitut tal-Lingwistika fl-Università, l-Għaqda tal-Malti – Università, u l-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti, qed jiġi mitlub mill-Gvern biex ma jsirux l-emendi proposti fil-Liġi tal-Malti li se jitressqu fil-Parlament din il-Ġimgħa.

Is-sitt għaqdiet jemmnu li dawn l-emendi se jdgħajfu l-lingwa. Huma jsostnu li jridu Kunsill li, filwaqt li jibqa’ rappreżentattiv, il-maġġoranza tiegħu tkun magħmula minn membri kkwalifikati. “Din hija biss kwistjoni ta’ serjetà u akkontabilità. Hekk biss isserrħulna rasna li d-deċiżjonijiet li jieħu l-Kunsill ikunu sodi,” tgħid l-istqarrija.

Fl-istqarrija, l-Akkademja tal-Malti telenka r-raġunijiet li huma jemmnu se jkunu kaġun li tidgħajjef il-lingwa. Fost dawn ir-raġunijiet jissemma l-fatt li skont dawn l-emendi il-maġġoranza tal-Kunsill tal-Ilsien Malti issa tista’ tkun iffurmata minn persuni li lanqas huma kkwalifikati fil-Malti għaldaqstant mhu se jkun hemm l-ebda garanzija li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ilsien Malti se jibqgħu jittieħdu minn nies ikkwalifikati fil-Malti

L-emendi jidhru li se jeffetwaw ukoll l-għażla tal-kapijiet tal-Kumitati Tekniċi tal-Kunsill, li minn idejn l-Akkademja tal-Malti u d-Dipartiment tal-Malti se tgħaddi f’idejn minoranza ta’ 5 membri li jistgħu ma jkunux ikkwalifikati fil-Malti

Il-kwistjonijiet tekniċi fuq il-lingwa, li qabel kienu f’idejn Kummissjoni ta’ nies esperti fil-lingwa issa se jgħaddu f’idejn il-Kunsill magħmul minn maġġoranza ta’ nies li mhux bilfors huma kkwalifkati fil-Malti u li se jkolllu s-setgħa hu jiddeċiedi minflok il-Kummissjoni f’każ li ma jkunx hemm qbil.

L- Akkademja tal-Malti sostniet ukoll li la huma, u lanqas id-Dipartiment tal-Malti fl-Università, iż-żewġ korpi ewlenin garanti tas-serjetà akkadmika fi lsienna, qatt ma ssejħu direttament biex jiddiskutu dawn l-emendi la mill-Ministru u lanqas mill-Kumitat Konsultattiv.

Dr Bernard Micallef, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università appella lill-Ministru biex ma jagħmilx dawn l-emendi li jiżnaturaw il-Kunsill tal-Ilsien Malti, li jiftħuh għal kontroversji bla bżonn u li jheddu li jispiċċa l-kunsens, u li jibdew ireġġgħu lura dak li ilu deċiż.

“Dan qed ibeżża’ lil mijiet ta’ għalliema (mhux tal-Malti biss), it-tradutturi, il-kittieba, il-ġurnalisti, il-pubblikaturi, u l-qarrejja tal-provi li kienu ilhom jitolbu ċ-ċertezza u d-deċiżjonijiet fil-Malti u li issa kienu bdew isibuha fil-professjonalità tal-Kunsill,” qal Micallef.

Għaldaqstant l-Akkademji u Għaqdiet kollha li jaħdmu favur l-ilsien Malti qegħdin jitolbu lill-Ministru Bartolo, biex jibża’ għall-ilsien nazzjonali u ma jħottx dak li l-għaqal  u s-serjetà bnew fis-snin li għaddew.

“Jekk isir dan, aħna mbagħad ma nistgħux nissejħu biex inkunu kompliċi tal-ħsara li tkun saret,” temm jgħid Dr. Micallef.

More in Politika