B'risposta għall-istqarrija maħruġa lbieraħ mill grupp 'Vitals Global Healthcare' (VGH), dwar diżappunt fil-konfront tal-UĦM u l-MAM minħabba kummenti negattivi li għamlu dwarhom, minkejja li rrifjutaw jiltaqgħu mal-VGH biex jiddiskutu l-proġett, illum il-UĦM u l-MAM ħarġu stqarrija tagħhom.
Fl-istqarrija ,l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u il-UĦM Voice of the Workers jistqarru li jinsabu diżappuntati li, sal-llum, il-PAC għadu ma aċċettax li l-kuntratti bejn VGH u il-Gvern jiġu miflija minnu. "Dan ġara wara li l-membri minn naħa tal-Gvern oġġezzjonaw li tibda id-diskussjoni u minnflok bagħat it-talba għal ruling tal-ispeaker," intqal fl-istqarrija li spjegat kif il-membri tal-gvern ukoll esprimew li ma xtaqux li l-ufficcju tal-awditur generali jinvestiga dawn il-kuntratti.
Dan in-nuqqas ikompli jżid l-inkwiet fost il-ħaddiema tal-isptarijiet u l-pazjenti. Ikompli wkoll jitfa’ dell ikrah fuq dawn il-kuntratti u jgħati l-impressjoni li l-affarijiet ma sarux sew isostnu l-UĦM u l-MAM.
L-istqarrija temmet tgħid li dan hu eżempju ċar fejn, għal darb’oħra, inħonoq il-proċess fejn il-gvern jisma’ lin-nies u jkun trasparenti f'dak li jaghmel kif jixraq fid-demokrazija.