L-atteġġjament tal-membri tal-Gvern fil-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi tal-bieraħ filgħaxija kienet waħda kundannabbli u dan peress li r-rappreżentanti ta’ Muscat f’dan il-Kumitat oġġezzjonaw għat-talba tar-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jiġu investigati l-kuntratti tal-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet f’pajjiżna. Hekk sostna l-PN li kompla jgħid kif b'differenza għall-Gvern il-PN kien "il-vuċi tal-ħaddiema u l-pazjenti - ż-żgħar - tal-Isptar Karen Grech, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kif ukoll l-Isptar San Luqa. Dan billi appoġġjaw talba għall-investigazzjoni ta’ dawn il-kuntratti li saret mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija u l-UHM-Voice of the Workers.
Il-PN sostna li dawn it-tliet kuntratti huma mifnija f’dubji serji ta’ korruzzjoni u dan minħabba numru ta’ raġunijiet, fosthom li "min innegozjahom inqabad li fetaħ kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu l-miljuni f’commissions, l-persuna li dawn in-nies innegozjaw miegħu hu implikat fi frodi fil-Kanada u l-kuntratti ġew iffirmati jumejn biss qabel ingħatat il-go ahead biex jinfetħu l-kontijiet sigrieti fil-Panama biex fihom jintefgħu mal-$1 miljun fis-sena.
Il-fatt li Joseph Muscat ma jridx lill-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi jinvestiga dawn il-kuntratti - kif qed jinsistu r-rappreżentanti tal-ħaddiema - hu konferma kemm Muscat hu ta’ theddida għad-demokrazija, temm jgħid il-PN