Pjan sigriet għal Delimara
'It-tmexxija tad-Dipartiment m’għandha l-ebda dritt li żżomm il-pjan ta’ emerġenza estern dwar l-impjant ta’ Delimara sigriet'
More in Politika
'It-tmexxija tad-Dipartiment m’għandha l-ebda dritt li żżomm il-pjan ta’ emerġenza estern dwar l-impjant ta’ Delimara sigriet'
Id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea, li nirreferu għaliha bħala d-Direttiva ta’ Seveso, tirregola l-mod kif kull pajjiż fil-UE għandu jippjana fit-tul biex jevita l-periklu li jista’ jinħoloq f’każ ta’ impjanti industrijali kbar. Dawn huma inċidenti li fil-parti l-kbira tagħhom jistgħu jkunu evitati, jekk l-awtoritajiet jaħsbu dwarhom fit-tul u bir-reqqa.
Fl-2012 l-Unjoni Ewopea aġġornat din id-Direttiva ta’ Seveso billi poġġiet enfasi ikbar minn qabel fuq il-ħtieġa ta’ konsultazzjoni pubblika. Dan hu obbligu li jridu jerfgħuh l-awtoritajiet kull meta jkunu qed jikkunsidraw li jagħtu permess biex jopera impjant industrijali kbir. Bħal, pereżempju l-impjant tal-power station f’Delimara.
Malta wkoll għandha l-obbligu li timxi skont id-Direttiva ta’ Seveso. Fil-fatt din id-Direttiva saret parti mil-liġijiet ta’ Malta permezz tar-Regolamenti tal-2015 dwar il-Kontroll ta’ Perikli ta’ Inċidenti Kbar [avviż legali 179/15].
Permezz ta’ dawn ir-regolamenti, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu l-obbligu li jħejji pjan ta’ emerġenza li permezz tiegħu jipprepara kif għandha ssir il-ħidma f’każ li jkun hemm inċident. Fil-fatt hemm bżonn ta’ żewġ pjani ta’ emerġenza: wieħed intern (jiġifieri li jkun japplika ġol-impjant innifsu) u l-ieħor estern (jiġifieri li jkun japplika barra mill-impjant).
Il-pjan ta’ emerġenza intern ikun imfassal mit-tmexxija tal-impjant u jkun diskuss mal-impjegati li jingħataw it-taħriġ meħtieġ biex iħaddmu l-impjant sewwa u b’hekk ikun evitat inċident. Imma jkunu mħarrġa ukoll dwar kif għandhom jaġixxu f’każ li jinqala’ inċident.
Min-naħa l-oħra l-pjan ta’ emerġenza estern jikkonċerna lin-nies u lin-negozji li hemm fl-inħawi viċin tal-impjant u li jistgħu jkunu effettwati f’każ li jinqala’ inċident. Skont id-Direttiva ta’ Seveso dan il-pjan li jitfassal mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jrid isir konsultazzjoni pubblika dwaru, u dan biex dawk kollha effettwati jkunu infurmati u jkollhom l-opportunità li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar dan il-pjan.
Fil-fatt, illum (Il-Ħadd li għadda) hu l-aħħar jum tal-konsultazzjoni pubblika li qed tkun organizzata mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi dwar l-impjant ta’ Delimara. Fost id-dokumenti li l-awtorità ppubblikat għall-konsultazzjoni pubblika hemm rapport intitolat External Emergency Plan imħejji mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Imma dan ir-rapport għandu parti minnu nieqsa. Fih informazzjoni interessanti imma meta jiġi għall-pjan propja jgħidilna li din l-informazzjoni ser titħalla barra għax jekk tkun ippubblikata tkun ta’ theddida għas-siġurtà nazzjonali.
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili hu rresponsabbli meta jimxi b’dan il-mod. It-tmexxija tad-Dipartiment m’għandha l-ebda dritt li żżomm il-pjan ta’ emerġenza estern dwar l-impjant ta’ Delimara sigriet. Huwa dritt tan-nies li dan ikun pubbliku. Għax fejn jidħol il-ħarsien tagħna lkoll in-nies għandha dritt li tkun taf fid-dettall dwar dak li qiegħed ikun ippjanat.
L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika.