Frejjeġ fil-Forzi Armati
Direct orders mhux approvati, kuntratti ‘perpetwi’, nuqqas ta’ trasparenza u kumbinazzjonijiet żvelati fir-rapport tal-Awditur
minn Albert Gauci Cunningham
Ftit inqas minn €1,000,000 f’direct orders mingħajr l-approvazzjoni meħtieġa mingħand il-Ministeru tal-Finanzi, kuntratt ta’ xahrejn isir wieħed ta’ tliet snin u nofs bi spiża globali ta’ €2.2 miljun u emails lil numru ta’ fornituri ta’ petrol u diesel, minflok ħruġ ta’ tenders. Dawn huma wħud mill-elenku sħiħ ta’ nuqqasijiet li l-Awditur Ġenerali jiżvela fir-rapport tiegħu ppubblikat aktar kmieni din il-ġimgħa u li jagħti stampa pjuttost kerha tas-sitwazzjoni u tal-immaniġġjar tal-fondi fil-Forzi Armati ta’ Malta, b’uħud minn nuqqasijiet imorru lura għall-2011.
B’kollox, l-Awditur sab li f’ħames każijiet, direct orders b’valur ta’ €157,656 ma kellhomx l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi. Apparti dawn, kien hemm ukoll ftit inqas minn €820,000 f’direct orders li ngħataw mingħajr ma ħarġet l-approvazzjoni formali neċessarja mill-Ministeru tal-Finanzi. L-akbar direct order kien dak fl-2015 li jammota għal €701,111 lill-kumpanija li tipprovdi l-fuel għall-ajruplani tal-Forzi Armati. Il-Ministeru tal-Finanzi jidher li ma kienx informat lanqas dwar direct order ta’ €31,600 għal korsijet ta’ taħriġ, €31,857 f’direct order lill-kumpanija li kienet qed tforni s-servizz ta’ telefonija bis-satellita u €50,200 lil kumpanija barranija għall-aċċess ta’ data dwar tbassir ta’ kurrenti u riħ.
L-Awditur jinnota kif għalkemm f’dawn l-aħħar erba’ każijiet seta’ kien hemm operatur wieħed li joffri s-servizz jew il-prodott, il-FAM xorta kienu obbligati li jinfurmaw lill-Ministeru tal-Finanzi hekk kif stipulat skont ir-regoli tal-Procurement u l-istess Ministeru tal-Finanzi.
Kuntratt għal xahrejn jinbidel f’wieħed perpetwu bi prezz ta’ €2.2 miljun
Minflok sejħa pubblika l-kwotazzjonijiet intbagħtu b’email lil kumpaniji speċifiċi
Fl-istess rapport jingħad li t-tmexxija tal-Forzi Armati, fost l-oħrajn, ippuntaw subgħajhom lejn emails li jdumu ma jaslu mingħand il-Minsteru tal-Finanzi jew is-Segretarju Permanenti, minħabba ‘backlog’ ta’ emails.
Imma dan mhux kollox. L-Awditur sab ukoll kif fil-25 ta’ Awwissu 2011, il-Forzi Armati ta’ Malta kienu ngħataw l-approvazzjoni mid-Dipartiment tal-Kuntratti għal Direct order ta’ xiri ta’ fuel. Kumbinazzjoni, eżatt fl-istess ġurnata tal-approvazzjoni, intagħżlet il-kumpanija li kienet se tissuplixxi servizzi ta’ ‘bunkering’ għal perjodu massimu ta’ xahrejn. Sa Marzu tal-2015, tliet snin u nofs wara u saż-żmien li dan it-tip ta’ fuel kien għadu neċessarju, il-FAM kienu għadhom qed jagħmlu użu mill-istess kumpanija. Dan irriżulta fi ħlas ta’ €2.2 miljun bejn il-perjodu Novembru 2011 u Marzu 2015.
L-Awditur jinnota kif minkejja li l-maġġoranza tal-estensjonijiet lil dan il-fornitur partikolari kienu approvati, “li testendi ftehim għal perjodi sussegwenti xorta tfixkel il-kompetizzjoni bejn kumpaniji potenzjali.”
Dwar dan il-każ, it-tmexxija tal-FAM ikkonfermat l-estensjoni “ladarba kull attentat biex joħorġu t-tenders falliet.” Imma anke dwar dan il-punt, l-Awditur jgħid li l-Uffiċċju kien infurmat biss bl-intenzjoni li toħroġ sejħa f’Settembru 2014,” u li sussegwentement ma kien hemm ebda risposta oħra dwar estensjonijiet.
Żvelat ukoll fir-rapport tal-Awditur, ippubblikat aktar kmieni din il-ġimgħa, kien kif ix-xiri ta ta’ petrol u diesel fl-2015 mingħand kumpanija lokali għall-valur ta’ €48,385 sar permezz ta’ emails. Intalbu wkoll kwotazzjonijiet minn kumpaniji speċifiċi, minflok b’talba pubblika fuq il-gazzeta tal-Gvern. “Mid-dokumentazzjoni li kienet preżentata, jirriżulta li l-kwotazzjoni (għall-prezz tat-tender) kienet mitluba bl-email minn lista ta’ fornituri magħżulin. Dan fixkel it-trasparenza tal-proċess,” qal l-Awditur dwar dan.
Dwar dan, il-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) qalu li qed jeżekwixxu r-rakkomandazzjoni tal-Awditur u li issa ħarġu sejħa għal dan l-istess xiri ta’ servizzi.