Renzi jirreżenja wara Le fir-referendum

X'se jkun qed jiġri minn issa 'l quddiem?

Fir-referendum li sar ilbieraħ fl-Italja, fejn kellha tiġi vvutata bidla jew le tal-kostituzzjoni preżentata mill-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi, il-poplu ivvota fil-maġġoranza tiegħu kontra tali bidla.

Ir-riżultat tal-elezzjoni ra kważi 60% tal-elettorat jivvota kontra l-bidla proposta minn Renzi, li kellha ġġib tisħiħ fil-Parlament waqt li jiddgħajjef is-senat. L-elezzjoni, li ħafna qisuha bħala opportunità sabiex jingħata sinjal ċar kontra l-Prim Ministru u l-establishment, wasslet għal turnout ta' iktar minn 65%.

Qabel l-elezzjoni, Renzi kien rabat ir-riżultat mal-futur tiegħu hekk kif kien qal li se jirreżenja mill-kariga jekk ir-riżultat ma jkunx pożittiv għalih. Fil-fatt, ftit wara nofsillejl meta r-riżultat kien evidenti li kien se jkun favur il-kamp tal-le, il-Prim Ministru f'konferenza tal-aħbarijiet f'Palazzo Chigi qal, "tlift, u s-siġġu li se jkollu jitlaq, huwa tiegħi."

Renzi ħabbar ukoll li matul il-ġurnata tal-lum, se jkun qed ilaqqa' l-Kabinett għall-aħħar darba, u wara jippreżenta r-riżenja tiegħu lill-President Sergio Mattarella, li jista' jkun li jistaqsih li jżomm il-pożizzjoni sa iktar tard dan ix-xahar sakemm jgħaddi l-baġit li għandu jkun ippreżentat iktar tard dan ix-xahar.

Minkejja l-għajta tal-Oppożizzjoni biex ikun hemm elezzjoni bikrija, u saħansitra, il-Movimento Cinque Stelle qed jappella biex issir elezzjoni f'temp ta' ġimgħa, dan mhux mistenni li jsir. Minflok, il-President mistenni jappunta gvern caretaker immexxi mill-istess partit ta' Renzi u jibqa' sal-elezzjoni li hi pjanata għar-rebbiegħa tal-2018. 

Il-favorit li jieħu s-siġġu ta' Renzi huwa l-Ministru tal-Finanzi Pier Carlo Padoan.

More in Politika