Allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fit-tenders għall-FTS sa mill-2015

Il-Ministru Evarist Bartolo kien jaf b'allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fl-għotja tat-tenders għal għamara fornita minn Sandro Ciliberti

Evarist Bartolo ma' Joseph Caruana  | Sandro Ciliberti
Evarist Bartolo ma' Joseph Caruana | Sandro Ciliberti

Fi Frar tal-2015, il-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo kien ġie mwissi dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-proċess ta’ għotja ta’ tenders, għall-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS), li kienu wkoll jinvolvu l-eks canvasser u xufier tiegħu, Edward Caruana.

Fornitur partikolari li kien ippreżenta tender għall-għamara tal-iskola kien ilmenta li Edward Caruana, l-uffiċjal inkarigat mill-akkwist tal-għamara u persuna ta’ fiduċja tal-Ministru Bartolo, kien issuġġerixxa li jiġi mqabbad Sandro Ciliberti, negozjant li jforni għamara għall-iskejjel li kellhu n-negozju tiegħu Għawdex stess.

Skont din l-allegazzjoni, Ciliberti kien ftaħar li jirbaħ min jirbaħ it-tender, kellhu jinqeda bilfors mingħandu għax huwa kien l-uniku wieħed li għandu “ċertifikazzjoni għad-diżinn tal-għamara”, speċifikata mit-tender tal-FTS.

Il-gazzetta maltatoday żvelat li l-Ministru Bartolo, kien investiga dan l-ilment, u saqsa lis-CEO tal-FTS, Philip Rizzo biex jiltaqa’ mal-fornitur li għamel l-ilment.

Iżda Rizzo qabbad lil Joseph Caruana, is-segretarju permanenti tal-ministeru tal-Edukazzjoni biex jattendi għal din il-laqgħa mal-fornitur, li meta dan iltaqa’ ma' Joseph Caruana, kien sorpriż li kien hemm ukoll preżenti Edward Caruana għall-laqgħa. Hemmhekk il-fornitur irrealizza li t-tnejn kienu aħwa.

Il-Fornitur spjega lil Caruana li ċ-ċertifikazzjoni mitluba fit-tender, ma kienitx tħalli ebda kumpanija tipprovdi l-għamara, ħlief dik ta’ Sandro Ciliberti, li l-għamara li jġib hu mill-Italja kienet l-unika waħda li kellha l-ispeċifikazzjonijiet partikolari mitluba fit-tender. L-ilment tal-fornitur kien li għalih u għal fornituri oħra, kien impossibli li jikkompetu.

S’issa l-Pulizija investigaw biss dwar l-allegazzjonijiet li għamel Philip Rizzo dwar id-direct orders għall-FTS meta Edward Caruana kien l-uffiċjal inkarigat mill-fornitura. Maltatoday saret taf li l-investigaturi saru jafu bil-konnessjoni ma’ Ciliberti riċentament biss, u se jibdew jinvestigawh aktar fid-dettal.

F’Marzu ta’ din is-sena, Ciliberti, magħruf bħala “iċ-Chilly”, kien fl-aħbarijiet meta splussiv żgħir kien tqiegħed barra mill-garaxx tiegħu fix-Xagħra, Għawdex, viċin id-dar fejn huwa kien jgħix. Fil-mument tal-isplużjoni, il-Mercedes ta’ Ciliberti kienet ipparkjata barra mill-garaxx. L-investigazzjoni kienet ħarset lejn in-negozju ta’ Ciliberti, speċjalment lejn il-konnesjonijiet li kellu mal-Awtorità tat-Turiżmu, li fl-2015 kienet ikkummisjonat il-kiri tal-umbrellel għall-Kemmuna mingħand Ciliberti. F’dan il-każ ukoll, it-tender kien intrebaħ minn Ciliberti, qalb kompetizzjoni kbira.

More in Politika