[Aġġornata] Evarist lil Rizzo : 'Miegħi ħadd mhu privileġġjat, lanqas min ħadem għalija għal 25 sena'
Fl-10 ta’ Settembru, Rizzo kiteb hekk lill-Ministru: 'Int se tkun iġġudikat fuq li se tagħmel issa. Ħadd ma’ jaħseb li int kont involut, imma d-dover tiegħek huwa ċar'
minn Staff Reporter
F’waħda mill-emails illi kienu parti minn korrispondenza sħiħa li ilbieraħ filgħaxija, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, qara fil-Parlament, huwa kien qal lil Rizzo dan il-kliem “Temminx kelma waħda milli qallek Edward (Caruana), ma jistax ikollna lil xi ħadd li qed imexxi operazzjoni separta li ma tirrispettax il-proċeduri ta’ kif jintefqu l-flus pubbliċi” Din l-email kienet iddatata 23 ta’ Ġunju 2016 u trattat telefonata ostili li Philip Rizzo kien irċieva mingħand Edward Caruana.
Intant f'email oħra datata 20 t'April 2016, Rizzo bagħat email lil Bartolo u fiha weraq tħassib li kien hemm affarijiet li mhux qed isiru sew fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada (FTS). Għal dan il-Ministru Bartolo wieġeb hekk, "Ifhem li ħadd ma' jgawdi minn privileġġ jew ma jistax jintmess minħabba li politikament ħadem għalija mill-1992. Fhimt?" (Please understand that noone, noone enjoys immunity or is untouchable because he has worked for me politically since 1992, understood?)
Din l-informazzjoni ħarġet waqt intervent fil-Parlament ilbieraħ filgħaxija, fejn il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, qara ammont ta’ korrispondenza bejnu u bejn l-eks CEO tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS), Philip Rizzo, fid-dawl tal-akkużi miġjuba lejn il-Ministru li huwa ma ħax l-azzjoni neċessarja kif sar jaf b’allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni minn naħa tal-eks kanvasser tiegħu, Joseph Caruana.
Il-Ministru ħabbar ukoll li l-korrispondenza kollha se tiġi magħmula pubblika.
Meta fit-13 ta’ April 2016 Philip Rizzo nħatar CEO tal-FTS, jidher li huwa bagħat SMS lill-Ministru fejn fost affarijiet oħra issuġġerixxa li Caruana ma jibqax iżomm kariga l-FTS. Dwar dan il-Ministru ħalla f’idejn il-ġudizzju ta’ Rizzo u wieġeb li huwa kien bagħatu hemm sabiex jirranġa dak kollu li għandu bżonn jirranġa.
Ftit tal-ġranet wara, il-Ministru qal li ġie nfurmat minn Rizzo li Edward Caruana kien qiegħed jinsisti li jagħti hu personalment ċekkijiet ta’ ħlas lill-kuntratturi. Dwar dan il-Ministru wieġed lil Rizzo li l-kwistjoni għandha tiġi indirizzata b’mod trasparenti u gust u li Caruana jiġi trattat daqs kwalunkwe impjegat ieħor, u dan kien prova li Bartolo ma’ kienx qiegħed jipproteġi lil Caruana b’ebda mod.
Il-Ministru għamel referenza għal email partikolari li saħqet “Ħadd ma jaħseb li int involut, imma issa huwa d-dover tiegħek li tieħu azzjoni,” mibgħuta minn Rizzo fl-10 ta’ Settembru, bħala prova li kien biss f’Settembru li huwa kellhu f’idu l-evidenza neċessarja biex jieħu azzjoni kontra Caruana.
Evarist Bartolo sostna li huwa qatt ma pproteġa ebda individwu jew kumpanija u li dejjem għamilha ċara li kollox għandu jsri skond il-liġi, u li ħadd ma’ jgawdi minn xi tip ta’ protezzjoni minnu.
Bartolo saħaq li il-fatt li huwa ħa azzjoni, billi neħħa lil Caruana mill-FTS u rrefera l-każ lill-Pulizija, wera li għamel dmiru u li m’hemm ebda responsabbiltà politika x’jerfa’.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, oġġezzjona dwar il-fatt li l-Oppożizzjoni ma’ kienetx infurmata li se ssir stqarrija Ministerjali minn Bartolo, u li minħabba n-natura tal-iskandlu, kien ikun appropjat kieku l-Gvern avża lill-Oppożizzjoni minn qabel.
Id-Deputat tal-Oppożizzjoni Chris Said, irrefera għar-rapport tal-MaltaToday, li kien żvela li l-Ministru kien ilu jaf bil-kwistjoni sa minn Frar tal-2015, u għaldaqstant għandu jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dawn l-allegazzjonijiet.
Ir-rapport tal-MaltaToday kien kixef każ li fih, fornituri tal-għamara għall-FTS kienu lmentaw li l-uffiċjal inkarigat mill-akkwisti, Edward Caruana kien issuġġerixxa li għandu jiġi mqabbad ċertu Sandro Ciliberti, negozjant Taljan li jissupplixxi għamara għall-iskejjel, u li l-istess Ciliberti kien ftaħar li jirbaħ min jirbaħ it-tender, irid imur għandu, għax hu biss għandu d-diżinn tal-għamara speċifikat fit-tender.
Intant, f'konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu il-PN akkuża lill-Ministru Bartolo illi kien jaf bil-korruzzjoni u ħbieha. "Issa Evarist Bartolo kellu jammetti li minn tal-anqas ilu jaf b’din il-korruzzjoni tmien xhur. Muscat, iżda," ikompli jgħid il-PN, "hu dgħajjef wisq biex jieħu passi kontra Bartolo - li nqabad jigdeb u jaħbi l-korruzzjoni - għaliex m’għandu ebda awtorità morali li jieħu passi kontra l-korruzzjoni." Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li sostna wkoll illi, “Dawn li sa ftit siegħat ilu kienu allegazzjonijiet, issa ġew ikkonfermati minn Evarist Bartolo nnifsu li ma kellu ebda għażla oħra ħlief li jikkonferma l-allegazzjonijiet kollha li saru mill-eks Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada Philip Rizzo,”