Evarist ipokrita, traditur u giddieb - Simon Busuttil jiftaħ il-kanuni fuq Varist

Busuttil jgħid u jallega li Evarist Bartolo 'ipokrita' talli meta kien qed jikkritika l-każ Panama hu kien jaf bil-'ħmieġ' fil-Ministeru li jmexxi...jakkużah li 'tradixxa lill-poplu'

Simon vs. Varist
Simon vs. Varist

F'diskors qawwi fil-Parlament ilejla l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fetaħ il-kanuni kollha tiegħu fuq il-Ministru tal-Edukazzjoni u Xogħol Evarist Bartolo u akkużah b'ipokrezija u gideb. "Fl-istess żmien li kien qed jgħid li m'għandux ikun hemm liġi għall-allat u oħra għall-annimali," kumment li Bartolo kien għadda fir-rigward tal-każ Panama, "hu kien jaf bil-ħmieġ li kien għaddej fil-Ministeru tiegħu." Busuttil kompla jakkuża lil Bartolo, "x'ipokrezija, x'ipokrezija. Jekk għandek l-irġulija u d-diċenza li tgħid li għandek irreżenja," sostna Busuttil. 

Hu qal li Evarist Bartolo tradixxa lill-poplu Malti meta ħalla lil Edward Caruana f'postu u meta, skontu, ħeba dak li kien jaf. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla bl-attakk tiegħu u saħaq illi apparti minn dan, Bartolo gideb ukoll meta ammetta li sar jaf bil-każ kollu f'April u mhux f'Awwissu  kif kien qal oriġinarjament. Huwa akkuża lill-Gvern illi l-liġijiet idaħħalhom biex jibqgħu fuq il-karta, "bħall-whistleblower biex imbagħad mhux talli pproteġew lil Philip Rizzo talli ħadu passi kontrih bil-Pulizija."

"Tmur fejn tmur, kulħadd ixxukkjat b'Evarist Bartolo," sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni li staqsa wkoll kif jista jkun li l-Ministru Bartolo ma ħax azzjoni meta kien jaf li Caruana kien qed imur bi-ċekkijiet tal-Gvern biex jagħti l-flus lill-kuntratturi u meta kien infurmat ukoll li l-kwotazzjonijiet għal xogħol fuq l-iskejjel kienu iffalsifikati. Busuttil temm jgħid li għal dan il-Gvern xejn mhu xejn wara dak li ġara fil-konfront tal-kwistjoni 'Panama' u qal li l-PM Joseph Muscat huwa 'dgħajjef'.  

 

 

More in Politika