Permezz ta’ fondi mill-iskema tal-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPs) amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju, is-Soċjetà Filarmonika Santa Marija taż-Żebbuġ Għawdex daħlet għal proġett bl-isem ta’ ARTruistic 360 Rebranding Volunteering bl-għan li teduka u fl-istess ħin tiċċelebra l-ħidma ta’ dan is-settur.
F’ċerimonja li ttellgħet fis-sede tas-Soċjetà, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli inawgurat wirja permanenti ta’ ritratti relatati mal-kontribut volontarju tal-membri fi ħdan is-Soċjetà. Bħala parti mill-istess proġett, tfal mill-iskola primarja tal-lokalità żanżnu multi-performance stage li nbena fi ftit xhur mill-membri voluntiera tas-Soċjetà u li se jkun qed jintuża biex jittellgħu produzzjonijiet teatrali u mużikali fiż-Żebbuġ Għawdex.
Fl-indirizz tagħha, il-Ministru Helena Dalli faħħret lis-Soċjetà Filarmonika Santa Marija għal dan il-proġett innovattiv fil-qasam tal-volontarjat fejn irnexxielha toħloq sinerġija bejn l-arti u l-altruwiżmu kif jixhed anke l-isem tal-proġett innifsu.
Il-Ministru Dalli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-inizjattiva ta’ din is-Soċjetà li għażlet li tiftaħ il-bibien tagħha għall-komunità biex tmexxi ’l quddiem l-arti u l-mużika b’mod volontarju. Qalet li dan il-proġett se jibqa’ jitgawda fit-tul mit-tfal u ż-żgħażagħ ta’ għada.
Helena Dalli faħħret l-impenn tal-każini tal-baned li qed iżommu ħajja l-kultura tal-mużika f’pajjiżna filwaqt li qed iservu ta’ pjattaforma fejn, b’mod altruwistiku, persuni differenti jagħtu mill-ħin liberu tagħhom u b’hekk iseddqu l-volontarjat.
Il-Ministru Dalli tenniet l-apprezzament tal-gvern għall-ħidma li jwettqu l-għaqdiet volontarji f’pajjiżna f’setturi differenti tal-ħajja u li minnhom qed jibbenifika kulħadd.
Iċ-ċerimonja kienet animata minn kant ta’ diversi carols tal-Milied u minn qari ta’ poeżija dwar il-volontarjat minn studenti mill-iskola primarja taż-Żebbuġ.