Il-Prim Ministru f'diskussjonijiet fi Brussell dwar ir-Russja u l-kunflitt fis-Sirja

Muscat fi Brussell flimkien mas-27 kap ta' stat biex jiddiskutu l-immigrazzjoni u d-difiża fost oħrajn, l-ILLUM se tkun hemm

Fost preżenza ta' suldati armati u sigurtà kbira fil-Kunsill Ewropew, illum fi Brussell se jiġu diskussi l-aktar kwistjonijiet jaħarqu bħalissa li jinkludu l-immigrazzjoni, is-sigurtà, l-ekonomija, iż-żgħażagħ u r-relazzjonijiet esterni. Fil-fatt skont ill-President tal-Kunsill, Donald Tusk l-għan hu wieħed ċar li s-sigurtà fl-Ewropa tissaħħaħ f’ambjent li qed isir aktar ġeopolitiku biex ikun jista jipproteġi aktar liċ-ċittadin.

Il-Prim Ministru Malti se jkun fost is-27 kap ta’ stat li se jiddiskutu l-implimentazzjoni tal-istqarrija Torka u l-Unjoni Ewropea. Barra li se jiġi studjat il-progress fil-ftehim li ġie ffirmat ma’ xi pajjiżi Afrikani. Se tiġi diskussa wkoll ir-rinforzar tal-implimentazzjoni tal-Valletta Action Plan li kien sar fis-summit li kien sar Malta dwar l-immigrazzjoni u r-riforma tas-sistema tal-ażil komuni Ewropew.

Sadattant il-kunsill se jiffoka fuq tliet prijoritajiet dwar is-sigurtà interna.

  • L-istrateġija Globali tal-UE fis-sigurtà u d-difiża
  • Il-pjan ta’ azzjoni fid-difiża Ewropea
  • L-implimnetazzjoni ta’ proposti komuni li jkomplu wara d-dikjarazzjoni konġunta bejn l-UE u n-Nato li ġiet iffirmata fil-Polonja f’Lulju li għadda. 

Iż-żewġ Presidenti Tusk u Juncker flimkien mas-segretarju Ġenerali tan-NATO, Stoltenberg jaqblu dwar l-importanza għal koperazzjoni bejn iż-żewġ organizazzjonijiet. Għax f’dinja li qed tinbidel, il-poter irid ikun wieħed b’saħħtu u l-UE qed tikkommetti ruħha li tipproteġi u tiddefendi liċ-ċittadini tagħha kollha u anke lill-istati membri tagħha li huma allejati biex jiffurmaw parti min-NATO.

Dwar l-ekonomija, l-iżvilupp soċjali u ż-żgħażagħ, il-kapijiet tal-istati membri se jħarsu lejn il-progress li qed isir dwar l-investiment, l-istrateġiji ta’ suq wieħed, l-inizjattivi relatati maż-żgħażagħ u l-ġlieda kontra il-qagħad fost iż-żgħażagħ.

Diskussjoni mill-aktar interessanti se tkun dik tas-sitwazzjoni tar-Russja u l-konflitt fis-Sirja u l-laqgħa informali li se ssir bejn il-kapijiet kollha dwar kif se jiġi mmexxi l-proċess tal-Brexit meta l-Ingliżi jinnotifikaw uffiċċjalment il-ġurnata.

L-ILLUM se tkun qed taġġornakom matul il-ġurnata dwar dak li qed jiġi diskuss u kif se jolqot lil Malta.

More in Politika