Il-Kampanja Paga Minima Diċenti tilqa’ l-fatt li qed issir diskussjoni dwar li tiżdied il-paga minima li involviet ekonomisti u msieħba soċjali waqt laqgħa tal-MCESD nhar l-Erbgħa, 14 ta’ Diċembru. 'Aħna nħossu li f’termini sostanzjali, l-argumenti li saru mill-ekonomisti ewlenin Gordon Cordina u Lino Briguglio, u minn oħrajn, ma jikkontradixxux l-argumenti u l-konklużjonijiet tagħna imma pjuttost isaħħuhom.'
Il-Professuri Cordina u Briguglio wissew li żieda fil-paga minima ma tindirizzax il-kawzi tal-faqar estrem. 'Dan huwa punt li l-Kampanja Paga Minima Diċenti ilha ssostni minn mindu bdiet,' tgħid l-istqarrija. 'Filfatt, aħna nħarsu lejn il-kwistjoni ta’ żieda fil-paga minima primarjament bħala kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali iktar milli s-soluzzjoni għal kull problema soċjali, inkluż il-faqar. Bħal ma ntqal sew mill-Ministru għal-Libertajiet Ċivili Helena Dalli, jeħtieġ li l-gvern iniedi programm biex jappoġġa lil dawk l-aktar vulnerabbli u żieda fil-paga minima tkun biss miżura waħda. Il-Kampanja Paga Minima Diċenti iżda, tinnota b’sodisfazzjon li, hekk kif qal il-Professur Cordina, żieda fil-paga minima għandu jkollha impatt pożittiv fl-aħħar mill-aħħar. Napprezzaw ukoll l-appoġġ tal-Professur Lino Briguglio biex tiżdied il-paga minima, kif ukoll is-suġġeriment tiegħu biex terġa tkun ikkalkulata il-paga bażika.'
Il-kampanja fakkret illi l- kwistjoni tal-kompetitivita` ġiet ukoll diskussa u li diġa tat is-suġġerimenti tagħha biex ikunu mħarsa l-isteressi ta’ negozji li jistgħu ibagħtu minħabba ż-żieda li qed nipproponu.
'Il-Kampanja Paga Minima Diċenti tilqa’ wkoll il-proposta li saret u li ġiet appoġġata miż-żewġ professuri, biex jiġi mwaqqaf kumitat konsultattiv li jkun jaqa’ taħt l-MCESD bħala suġġeriment razzjonali u li jagħmel sens.Il-Kampanja Paga Minima Diċenti tħoss li l-argumenti u l-konklużjonijiet tagħha ġew sostnuti u ikkonfermati b’dak li ingħad waqt din il-laqgħa.'