Il-Prim Ministru Malti, Joseph Muscat tkellem mal-ġurnalisti qabel is-summit tal-kapijiet ta’ stat fil-Kunsill Ewropew u għall-mistoqsija minn ILLUM dwar kemm se tkun importanti t-tema tal-kunflitt fis-Sirja, qalilna li din se tkun tema importanti, “sitwazzjoni mhux aċċettabbli għalkemm dalgħodu kellna aħbarijiet aħjar u naħseb li se jkollna pożizzjoni komuni bejn kulħadd”. Mistoqsi mill-ġurnalist ta’ MaltaToday jekk il-laqgħa tal-lum hux se tkun ‘a talking shop’ biss, il-prim ministru wieġeb, ‘Nispera li le”.
Joseph Muscat qal ukoll li l-kwistjoni prinċipali hi kif l-Ewropa se tkompli timposta ruħha fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni. "L-għan tagħna li naraw li dak li qed jiġri fuq iċ-ċentru tal-Mediterran ikun fuq l-aġenda bħalma l-Unjoni Ewropea ħadet pożizzjoni fuq il-kwistjoni tat-Turkija trid tieħu ħsieb dak li qed jiġri fil-Mediterran. Billi mhux jiġu Malta ma jfissirx li din il-probelma ma teżistix għax għadha teżisti u kif.”
Tkellem ukoll dwar il-Prim Ministru Taljan il-ġdid, Paolo Gentiloni fejn qal li diġà iltaqa miegħu, “Diġà nafu u naħseb li se jkun hemm kontinwazzjoni b’saħħitha ħafna fuq dak li ħadem il-Gvern Renzi.”