Id-Dar tal-Mediterran tibqa' kalamita għat-turiżmu tal-konferenzi

‘Dar il-Mediterran għall-Konferenzi hija ġawrha imprezzabbli għas-settur turistiku, b’mod speċjali fil-qasam tal-konferenzi'  - Ministru Zammit Lewis 

Dar il-Mediterrran: kalamita għall-konferenzi
Dar il-Mediterrran: kalamita għall-konferenzi

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis dalgħodu żar Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) fejn indirizza konferenza tal-aħbarijiet sabiex jelenka l-inizjattivi li dan il-Gvern qed iħejji sabiex l-MCC tkun attrazzjoni turistika u aktar minn hekk issaħħaħ il-potenzjal li tkun attrazzjoni ewlenija fil-Mediterran bħala ċentru t’eċċellenza li jilqa’ u jiġu organizzati fiha avvenimenti u konvenzjonijiet nazzjonali u internazzjonali.

‘Dar il-Mediterran għall-Konferenzi hija ġawrha imprezzabbli għas-settur turistiku, b’mod speċjali fil-qasam tal-konferenzi.’, spjega il-Ministru Zammit Lewis. Is-sena l-oħra ġew madwar 11,000 delegat barrani u sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena, in-numru ta’ delegati barranin li żaru ċ-Ċentru sabiex jattendu xi konferenzi jew avvenimenti laħħaq għal madwar 7,600 persuna.

Malta qed tkabbar il-popolarità tagħha bħala attrazzjoni għall-konvenzjonijiet u konferenzi internazzjonali. Bejn Jannar u Ottubru waslu Malta kważi 128,000 viżitatur fuq skop ta’ negozju li jinkludu laqgħat fuq livell għoli u konferenzi. Dawn il-viżitaturi żdiedu bi kważi 6% aktar minn dak reġistrat fl-istess xhur tas-sena l-oħra.  Dan it-tkabbir f’din in-niċċa turistika jixpruna aktar ħidma sabiex pajjiżna jkompli jgħolli l-livell u l-kwalità tal-prodott bl-iskop li Malta tkun ppreparata għal din iż-żieda f’din in-niċċa tal-konvenzjonijiet u konferenzi u tesponi lilha nnifisha bħala destinazzjoni ewlenija fil-Mediterran fl-organizzazzjoni ta’ konvenzjonijiet, laqgħat ta’ livell għola u konferenzi.

Il-Ministru għat-Turiżmu stqarr li l-MCC tilgħab parti mportanti f’din il-ħidma dan għaliex dan il-post joffri dak kollu li hu mitlub sabiex jittellgħu u jiġu organizzati konferenzi, laqgħat, seminars u attrazzjonijiet kulturali, teatrali u mużikali u esibizzjonijiet b’mod professjonali u fuq livell internazzjonali.  Madanakollu sabiex l-MCC  tilħaq livell aktar għoli t’eċċellenza, dan il-Gvern qed jimpenja ruħu f’investiment li se jkompli jtejjeb il-prodott offrut, ħabbar il-Ministru. 

Għaldaqstant, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis inawgura żewġ inizjattivi importanti li twettqu f’Dar il-Meditterran għall-Konferenzi fl-2017 fosthom l-installazzjoni ta’ sistema li tissupplixxi il-kurrent elettriku ġewwa ċ-ċentru u sistema ġdida u moderna fis-sala tar-Repubblika kif ukoll installazzjoni ta’ sistema ġdida oħra ta’ arja kkundizzjonata fis-Sacra Infermeria. Dan seħħ b’investiment ta’ €430,000 minn fondi ġejjin mill-profitti ġġenerati minn din l-entità nnifisha. Is-Sacra Infermeria hija waħda mill-ikbar swali ġewwa Dar il-Mediterran fejn qatt ma kellha sistema ta’ arja kkundizzjonata. Minħabba f’hekk għal mill-anqas seba’ xhur fis-sena sfortunatament ma setgħetx tintuża. Din l-inizjattiva mill-ewwel intlaqgħet tajjeb mill-operaturi barranin tal-konferenzi kif ukoll dawk lokali illi kienu ilhom jitolbu biex dan isir għal dawn l-aħħar snin. Dan il-proġett jikkumplimenta proġett tar-restawr tas-saqaf fl-istess sala kif ukoll l-installar ta’ sistema moderna ta' dwal. Din is-sistema ġiet iddisinjata apposta sabiex tikkumplimenta mal-ambjent storiku tas-sala u kif ukoll se tintuża teknoloġija mill-iktar moderna li tikkonsma l-inqas enerġija.

It-tieni progett illi gie inawgurat mill-Ministru Zammit Lewis huwa sistema ta’ sound proofing bejn is-Sala La Valette u s-Sala Repubblika b’investiment ta' €130,000 . Permezz ta' dan l-investiment issa ċ-Ċentru jista jilqa' attivitajiet diversi fl-istess ħin grazzi għal din is-sistema ta’ sound proofing fejn se jiġi eliminat l-inkonvenjent li l-ħoss  jinstema’ minn sala għall-oħra. Ix-xogħlijiet saru mingħajr ebda impatt fuq il-binja storika jew l-operat matul ix-xogħlijiet. Dan il-proġett se jsarraf ukoll fl-eliminazzjoni  tal-inkonvenjent li seta’ jinħoloq lill-ġirien taċ-Ċentru minn xi ħsejjes li setgħu kienu jinstemgħu waqt attivitajiet f’Dar il-Mediterran.

Għas-sena 2017, il-Ministru kompla jgħid li l-Gvern ser jaħdem fuq proġett estensiv bil-għan li jippreserva s-sisien, itejjeb is-servizz u jiġi ġġenerat dħul ġdid għaċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi. “Dan il-proġett għandu jservi għat-tisħiħ tal-preservazzjoni tal-wirt kulturali storiku. Tajjeb li ngħidu li sforz ix-xogħol ta’ dan il-Gvern, Malta ser tibbenifika minn fond ta’ 5 miljuni mill-UE sabiex inkomplu bil-progress li bdejna.   L-għan ta’ dan il-proġett huwa li kull minn iżur l-MCC se jkun qed jesperjenza u jgħix il-perjodu ta’ ’l fuq minn erba’ mitt sena ilu. F’dan l-istadju terz minn dan il-bini huwa inaċċessibli minħabba numru ta’ swali li ilhom abbandunati u fi stadju ta’ telqa għal snin twal. Dan kollu qed isir biex ikun jista’ jitwettaq proġett ambizzjuż li ser ikun l-ewwel tax-xorta tiegħu f’Malta li permezz tat-teknoloġiji tal-ogħla kwalità magħrufa bħala ‘augmented reality’, ‘holographic technology’, ‘time-windows’ li flimkien bl-użu ta’ GPS, dawk il-viżitaturi li jżuru dan il-bini ser ikunu jistgħu jesperjenzaw dak kollu li kien jiġri fl-era ta’ Kavallieri permezz ta’ smart phones u tablets tagħhom”.

Sadanittant, il-Kap Ezekuttiv ta’ Dar il-Mediterran għal Konferenzi Pierre Fenech qal illi dawn il-proġetti huma parti min kullana ta’ proġetti illi saru, qed isiru u ser isiru fil-futur qrib biex dan il-post uniku mhux biss f’Malta ikun jista’ joffri servizzi tal-ogħla kwalità għal settur daqstant importanti għas-settur turistiku u  l-ekonomija b’mod ġenerali tal-pajjiż. Huwa qal illi dan kollu qed isir possibbli b’ħidma estensiva li ċ-ċentru irnexxielu jġib fondi mill-Unjoni Ewropea u impenn mill-Gvern Lokali illi qiegħed jirrikonoxxi l-importnaza strateġika taċ-ċentru. Iżda, huwa temm jgħid li huwa tajjeb li wieħed jirrimarka illi parti sostanzjali minn nefqa qiegħda issir mill-fondi tal-entità hekk kif f’dawn l-aħħar tliet snin reġgħet ġiet lura fuq saqajha u qiegħda tirreġistra profitti u li dawn qed narawhom jiġu investiti fiċ-ċentru nnifsu.

 

 

 

 

More in Politika