Is-summit tal-Kunsill Ewropew intemm għal ħabta tal-11:15 ta’ bil-lejl fejn għalaq b’konferenza stampa mogħtija minn Donald Tusk, il-president tal-Kunsill Ewropew, il-president tal-Kummissjoni Ewropea u l-Prim Ministru tas-Slovakkja billi ġie magħluq il-kapitlu tal- presidenza Slovakka li issa ngħatat lil Malta.
F’din il-konferenza stampa bi ftit tlaqliq minn Tusk ħarġu ċari żewġ dikjarazzjonijiet wara interventi minn ġurnalisti. Mistoqsi x’inhi l-pressjoni li semma l-Kunsill li se ssir fuq is-Sirja u l-alleati tagħha, Tusk qal li hu impossibli li twaqqaf dan il-kunflitt bil-forza, “u l-Ewropa m’għandna l-ebda intenzjoni li nagħmlu dan u lanqas il-kapaċità li nagħmlu dan. Però ieqfu waħħlu fl-Ewropa għal dan il-kunflitt. L-Ewropa mhix ir-raġuni ta’ dan il-kunflitt u aħna qed ngħinuhom b’mod umanitarju kemm nistgħu. Iva m’aħniex effettivi biżżejjed u għalhekk se nkomplu nippressaw għal assistenza umanitarja aktar u anke dik diplomatika fejn irridu nistabilixxu kurituri siguri għan-nies tas-Sirja. Dan biss nistgħu noffru.” Sadattant, Tusk qal li lanqas biss kien hemm diskussjoni dwar xi sanzjonijiet li jistgħu jittieħdu kontra s-Sirja jew Russja.
Dwar Brexit kien ikkonfermat li n-negozjatur ewlieni se tkun il-Kummissjoni Ewropea li se timxi id f’id mal-Kunsil tal-Ewropa u li l-Parlament Ewropew mhu imdaħħal xejn fin-negozjati. Mistoqsi mill-ġurnalisti għaliex il-Parlament tħalla barra, Tusk bi ftit tlaqiq qal li l-aħjar mod kif issir il-Brexit hu bil-mod kif ġie deċiż. Qal ukoll li hemm raġunijiet għaliex mhux il-Parlament, imma ir-raġunijiet mhux ta’ min jitkellem dwarhom f’dan il-mument.
Tusk temm jgħid li x-xahar id-dieħel il-kunsill ingħata mandat li jorganizza summit u djalogu mal-awtoritajiet tat-Turkija, anke jekk id-data għada ma tħabbritx.