Is-Segretarjat Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewropej ħabbar li l-Awtorità ta’ Ġestjoni se talloka fondi Ewropej fuq il-proġett tal-Kappara Junction, liema proġett se jindirizza l-konġestjoni tat-traffiku f’din iż-żona.
Din it-triq hi waħda mill-iktar traffikużi fin-network tat-TEN-T f’Malta, bil-volum tat-traffiku jammonta għal 90,000 vettura kuljum.
“Il-junction eżistenti ma tistax takkomoda dan il-volum kollu u għal dan il-għan l-investiment fl-infrastruttura tat-toroq hu kkunsidrat fattur importanti ħafna. Se tittejjeb ukoll l-aċċessibilità, is-sigurtà, il-konnettività kif ukoll is-sostenibbiltà tal-madwar”, sostna s-Segretarju Parlamentari Ian Borg. Qal ukoll li dan il-proġett se jkompli jgħin biex aktar fondi Ewropej ikunu assorbiti minn kmieni, kuntrarju għal dak li sar fil-passat.
Borg żied li l-valur tal-proġett tal-Kappara Junction jiswa €35,075,396, li minnhom €33,347,855 ġejjin minn Fondi ta’ Koeżjoni.