L-IMF tfaħħar ir-riforma li qed issir fil-qasam tal-ġustizzja

Fir-rapport tagħha, l-IMF tgħid li t-titjib se jsaħħaħ l-ambjent tan-negozju

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali jesprimi sodisfazzjon li fir-rapport tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2016, il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) faħħret ir-riforma li qed issir fil-qasam tal-ġustizzja, fil-kamp ċivili, u dakkummerċjali. B’mod speċjali l-IMF tgħid li l-bidliet u t-titjib li qed iwettaq dan il-Gvern fil-qasam tal-ġustizzja se jsaħħu l-ambjent ta’ negozju.

Il-Gvern jemmen li l-qasam tal-ġustizzja jilgħab parti kruċjali fit-tkabbir tal-ekonomija tal-pajjiż u hu għalhekk li ekonomija b’saħħitha għandha jkollha sistemi effiċjenti li bihom jiġu riżolti t-tilwim li jista’ jinqala’ minn żmien għalżmien. Huwa għalhekk li l-Gvern ħadem u se jkompli jaħdem biex fil-kamp ċivili u kummerċjali l-kawżi jdumu nqas u tiżdied l-effiċjenza biex anke minn dan l-aspett l-ekonomija tibqa’ tissaħħaħ u jinħolqu iktar impjiegi, karrieri u postijiet tax-xogħol.

Is-sena 2016 kienet sena importanti li kompliet tikkonsolida riformi importanti fil-qasam tal-ġustizzja ċivili u kummerċjali. Wiehed ifakkar li matul din is-sena biss ittieħdu numru ta’ miżuri li diġà bdew iħallu impatt pożittiv, fosthom:

  1. Riforma Kostituzzjonali li biha ssaħħaħ il-metodu ta’ ħatra tal-ġudikanti, il-metodi ta’ dixxiplina fuq il-ġudikanti, u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ġudikanti biex inkomplu nattiraw l-aħjar imħuħ;
  2. Riforma fil-proċedura ċivili li bihom iddaħħlu sensiela ta’ emendi li jissimplifikaw il-proċedura ċivili u jattakkaw il-burokrazija;
  3. Riforma legali fil-kamp tal-bejgħ ta’ proprjetajiet battala li jkunu ġejjin b’wirt jew b’xi mod ieħor ikunu in komproprjetà;
  4. Komplejna ninvestu fis-sistema tal-court attorneys fejn f’sena waħda (bejn Novembru 2015 u Ottubru 2016) dawn assistew lill-ġudikanti fuq 1,550 sentenza fil-kamp ċivili u kummerċjali. Minn dawn l-1,550 sentenza, 80 fil-mija minnhom ingħataw u b’hekk il-każ ġie konkluż.
  5. Tmexxa ’l-quddiem proċess ta’ konsultazzjoni dwar tisħiħ fil-kamp tal-medjazzjoni bl-għan li iktar persuni jużaw metodi alternattivi, irħas u iktar spediti biex isolvu t-tilwim tagħhom. Fil-jiem li ġejjin se jiġi ppubblikat l-abbozz ta’ liġi finali.
  6. Komplejna ndaħħlu miżuri tal-informatika biex noffru servizzi ġodda u bħhekk inkissru l-burokrazija u d-dewmien żejjed. B’kollox ġew implimentati tmien servizzi ġodda tal-informatika matul din is-sena biss li bis-saħħa tagħhom, fost oħrajn, issa persuna tista’ tara l-attiġudizzjarji kollha li ġew ippreżentati f’isimha online; issa avukat għandu ferm iktar aċċess għal dokumenti u informazzjoni online u issa wieħed jista’ jippreżenta iktar atti ġudizzjarji online. 

Dan kollu wassal biex il-clearance rate, jiġifieri kemm jinqatgħu kawżi ċivili u kummerċjali komparati ma’ kemm jidħlu kawżi, splodiet minn 99 fil-mija (tmiem l-2012) għal 112 fil-mija (tmiem l-2015). Anke d-dewmien ta’ kawzi naqas—minndisposition time ta’ 777 fl-2012 dan niżel għal 668 fl-2015.

Il-Gvern jinnota wkoll li l-IMF kellha kliem pożittiv ħafna dwar il-ħidma li qed issir flimkien mal-Ministeru għall-Finanzi biex jiġu indirizzati ċerti sfidi fil-kamp tal-insolvenza u l-falliment kummerċjali. L-IMF saħqet li dawn ir-riformi se jwasslu għal riżoluzzjoni iktar spedita ta’ dawn il-kwistjonijiet.

Dan ma jfissirx li wasalna, iżda jfisser li mexjin fid-direzzjoni t-tajba. Il-Gvern hu impenjat iktar minn qatt qabel biex ir-riforma fil-qasam tal-ġustizzja tkompli għaddejja bir-rankatura li qabdet u tkompli tagħti r-riżultati.

More in Politika