Minkejja li b’kollox qed joperaw 129 uffiċjal tal-komunità bejn Malta u Għawdex, skont il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, jidher illi l-uffiċjali mhumiex imqassmin sew bejn il-lokalitajiet.
“Il-Pulizija tal-Komunità jkopru l-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex,” Camilleri qal waqt li kien qed jirrispondi mistoqsija parlamentari mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Inklużjoni u s-Settur Volontarju Graziella Galea fil-Parlament.
Skont il-figuri li ppreżenta fil-Parlament il-Ministru, jidher illi f’ċerti lokalitajiet li għandhom popolazzjoni sinifikanti, in-numru ta’ uffiċjali mhumiex biżżejjed.
Pereżempju, jidher li hemm biss tliet uffiċjali għal Tas-Sliema kollha, lokalità li, skont l-aħħar ċensiment li ħareġ fl-2021, għandha kważi 20,000 resident. In-naħat tal-Imsida, Il-Gżira u Ta’ Xbiex, li flimkien għandhom ftit iktar minn 25,000 resident, iridu jaqsmu erba’ uffiċjali tal-komunità.
Birkirkara, waħda mill-iktar lokalitajiet ippopolati bi kważi 26,000 resident skont l-aħħar ċensiment, għandha biss tliet uffiċjali b’kollox. Ħal Qormi, li għandu mat-18,000 resident, għandu wkoll biss tliet uffiċjali b’kollox.
San Ġwann, li għandu ftit iktar minn 14,000 resident, għandu biss żewġ uffiċjali. U Għawdex, li għandha mal-40,000 resident, għandha biss 12-il uffiċjal għall-gżira kollha.
Dan il-fatt huwa iktar ta’ tħassib meta tikkunsidra li numru sostanzjali ta’ lokalitajiet għandhom l-għases tal-pulizija magħluqin.
Fil-fatt, f’konferenza stampa iktar kmieni dis-sena, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott qal li l-għases ta’ Ħaż-Żebbuġ, Il-Mellieħa, Is-Swieqi, Pembroke, Ħal Għargħur, Il-Gżira, Ħ’Attard, Ħal Balzan, Ir-Rabat, Ħad-Dingli, L-Imdina, Il-Kalkara, L-Isla, Il-Birgu, Ix-Xgħajra, Il-Fgura, Ħal Luqa, Ħal Tarxien, L-Imqabba, Ħal Kirkop, Ħal Safi, Il-Qrendi, u L-Imġarr huma magħluqin.
Carabott qal ukoll li l-Għawdxin iridu jmorru r-Rabat jew l-Imġarr biex jinqdew, u “xi kultant Marsalforn meta uffiċjal tal-komunità jista’ juża l-għassa bħala uffiċċju.”
Meta Camilleri ġie mistoqsi dwar il-progress fuq l-għases tal-pulizija minn Carabott, il-Ministru ma tax indikazzjoni tal-progress fuq l-għases kollha iżda fuq numru żgħir ta’ għases.
Skont il-Ministru, l-għases tal-Ħamrun u l-Imsida għandhom ikunu lesti sal-2026, u l-għassa tar-Rabat għandha tinfetaħ f’Marzu jew f’April ta’ dis-sena.
Meta kien mistoqsi dwar għases oħrajn, il-Ministru qal illi dawk il-lokalitajiet, bħall-Gżira, il-Mellieħa, u San Pawl il-Baħar, huma moqdijin biżżejjed bis-servizz tal-pulizija tal-komunità.