Jgħidu le għal proposta ta’ żieda ta’ €950 fil-paga minima

L-imsieħba soċjali ma jidhirx li se jilqgħu l-proposta tal-Kampanja Paga Minima Diċenti...Se jipproponu żieda bbażata fuq il-COLA minflok

Il-proposta tal-Kampanja għal Paga Minima Diċenti ta’ żieda ta’ €950 fil-paga minima fuq tliet snin, jidher li mhux se tintlaqa’ mill-imsieħba soċjali.

L-ILLUM tista’ tiżvela li fil-laqgħa li saret matul din il-ġimgħa u li ma kinitx miftuħa għall-media, kien hemm kunsens li kull miżura jew proposta għal żieda fil-paga minima ma tistax toħloq l-effett tal-konċertina, jiġifieri li żieda fil-paga minima twassal għal żidiet fil-pagi kollha li jaqgħu fil-faxxex taħt paga medja.

Minflok, sorsi li tkellmu mal-ILLUM spjegaw kif l-aktar proposta li qed tikseb appoġġ fost l-imsieħba soċjali hija żieda bbażata fuq il-COLA (Cost of Living Adjustment) u li tkun maħduma fuq basket rivedut ta’ prodotti u spejjeż.

Il-mekkaniżmu ta’ kif tinħadem il-COLA ilu taħt il-lenti għal bosta snin u kemm il-GWU kif ukoll il-UĦM ilhom jisħqu li dan għandu jkun rivedut b’mod li jirrifletti l-ispejjeż reali li qed jiffaċċjaw il-ħaddiema u l-familji.

‘Żieda bbażata fuq il-COLA hija l-aħjar kompromess bejn il-unions u min iħaddem’

Diskussa wkoll proposta ta’ paga minima li tkun biss starting salary

L-imsieħba soċjali ma jridux li tintmess l-istruttura tal-pagi u jinħoloq l-effett tal-konċertina
L-imsieħba soċjali ma jridux li tintmess l-istruttura tal-pagi u jinħoloq l-effett tal-konċertina

Is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM sostnew li din il-proposta ta’ żieda bbażata fuq il-COLA, b’mekkaniżmu rivedut, għandha tkun l-aħjar kompromess bejn żewġ unions kbar li ma tantx urew ħeġġa għall-proposta tal-Kampanja Paga Minima Diċenti u l-għaqdiet ta’ min iħaddem li huma totalment kontra li tintmess l-istruttura tal-pagi li jridu jħallsu huma.

Lura f’Ottubru, is-16-il għaqda pproponew żieda ta’ €950 fil-paga minima fuq medda ta’ tliet snin, b’żieda ta’ €5.88 fil-ġimgħa fl-ewwel sena, €6 fil-ġimgħa fit-tieni sena u €6.30 fil-ġimgħa fl-aħħar sena. Dan ikun ifisser li bil-proposta tal-għaqdiet, fosthom l-Alleanza Kontra l-Faqar u l-Caritas, il-paga minima tiżdied b’€18.30ċ fil-ġimgħa, meta teskludi żieda fil-COLA.

Is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM saħqu li l-proposta ta’ dawn l-għaqdiet ma tantx niżlet tajjeb minħabba li “b’€950 iktar, huwa ċar li numru minn dawk li jaqilgħu ftit iktar mill-paga minima bħalissa, se jaqgħu fil-faxxa ta’ nies li fil-fatt jaqilgħu l-paga minima. B’hekk,” kompla jisħaq, “jekk se nżidu l-paga minima biss, fil-fatt li se nagħmlu huwa li nżidu n-nies li għandhom qligħ minimu.”

Is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu li waqt il-laqgħa, apparti l-proposta relatata mal-COLA, saret ukoll diskussjoni dwar proposti u ideat oħrajn, fosthom li jkun hemm żieda fuq medda ta’ tliet snin, li tkun settorjali, jew tgħodd għal grupp partikolari ta’ ħaddiema biss, fejn il-ħlas huwa ġeneralment ta’ paga minima. Il-proposta tgħid li l-paga minima, fejn il-ħlas huwa tali, tkun ‘starting salary’ għall-ħaddiema, imbagħad tiżdied fuq medda ta’ tliet snin kemm-il darba l-ħaddiem jibqa’ jaħdem fl-istess settur, anke jekk ibiddel il-kumpanija li jkun jaħdem magħha.

Il-kwistjoni dwar żieda fil-paga minima taf il-bidu tagħha aktar kmieni din is-sena, minn meta kien ippubblikat ir-rapport tal-Caritas dwar l-ispiża bażika meħtieġa biex individwu jew familja tgħix b’mod diċenti. Il-kalkolu li sar kien wieħed konservattiv ħafna li lanqas biss kien jinkludi spejjeż relatati ma’ karozza u spiża ta’ ħlas ta’ self jew kirja għall-proprjetà.

Iżda kienet konferenza minn 16-il għaqda li jiffurmaw il-Kampanja Paga Minima Diċenti li xegħlet id-diskussjoni fuq bażi nazzjonali. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ħareġ favur il-proposta ta’ żieda ta’ €950 fil-paga minima mumenti biss wara l-istess konferenza. Il-Prim Ministru kien iktar kawt u żamm mal-pożizzjoni li filwaqt li jaqbel ma’ żidiet, huwa importanti li miżura bħal din tikkunsidra l-effett li jista’ jkollha fuq pagi oħrajn.

Fil-ħarġa tal-ILLUM tas-6 ta’ Novembru, kemm l-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb u anke l-eks Segretarju Ġenerali tal-UĦM Gejtu Vella kienu kawti dwar il-proposta ta’ dawn is-16-il għaqda.

More in Politika