Miċ-Ċentru Laburista tal-Ħamrun, il-Prim Ministru Joseph Muscat, beda l-indirizz tiegħu lill-partitarji Laburisti preżenti, wara li l-attività politika nfetħet minn Ian Borg, li tkellem dwar is-sitt xhur li ġejjin, li fihom Malta se tkun fit-tmun tal-presidenza tal-UE.
Il-Prim Ministru kompla jibni fuq dak li qal Borg, hekk saħaq li hemm bżonn li nħarsu 'l quddiem lejn serenità u serħan tal-moħħ, u minkejja t-twemmin politiku, fost il-poplu u fost il-familji bħalissa hawn serħan il-moħħ, għax pajjiżna miexi f’direzzjoni tajba.
Muscat qal li n-nies jafu li f’dawn it-tliet snin, il-pajjiż mexa l-quddiem, u minkejja li fadal xi jsir, fis-setturi tal-paga minima, ambjent u faqar, it-triq bdiet u s-sitwazzjoni hija diġà aħjar milli kienet tliet snin ilu.
“Jekk il-pajjiż mexiex il-quddiem, jekk bħala familja mxewx il-quddiem, u jekk għandhomx tama li fis-snin li ġejjin se jmorru aħjar...”
Dawn huma l-mistoqsijiet li jagħmlu l-familji Maltin, qal Muscat, li għalihom, ir-risposta hija “Iva, sejrin tajjeb u Iva sejrin il-quddiem.”
Muscat għamel paragun bejn x’jaħsbu n-nies hawn Malta u x’jaħsbu l-esperti internazzjonali, li bħalissa, bid-differenza mil-amministrazzjoni preċedenti, dak li qed jgħidu l-esperti, verament jirrifletti s-sitwazzjoni li għaddej minnha l-poplu bħalissa. Differenza bejn ċifri dwar defiċit, pensjoni u impjieġi li kienu rriżultaw minn zieda fil-kontijiet jew fl-età tal-pensjoni... għal riżultati konkreti ta’ tittjib fl-ekonomija, mhux għad-detriment tal-poplu, iżda b’titjib fil-ħajja tagħhom.
“Iċ-ċertifikati mogħtija mill-esperti ta’ barra, il-poplu mhux ħallas għalihom... iżda gawda minnhom...”
Muscat spjega kif aktar kmieni dan ix-xahar waqt l-evalwazzjoni tal-IMF, fiż-żjara tagħhom Malta, l-IMF qalu li kellna prestazzjoni eċċezzjonali f’dawn l-aħħar snin, minħabba l-għażliet li għamel il-Gvern, fosthom traħħis tal-income tax u l-fatt li ħajjar aktar nies joħorġu għax-xogħol. L-IMF saħqu li grazzi għall-bidla fid-direzzjoni li għażel il-poplu Malti... li l-istess poplu qed igawdi minnha.
“Ir-riżultati tajbin tal-llum, qed jinkisbu mid-deċiżjionijiet tajbin li ttieħdu llum,” qal Muscat li kompla jgħid li l-IMF qalu li l-pajjiż se jibqa’ jmur tajjeb jekk jibqa’ miexi f’din id-direzzjoni.
Dwar id-deċiżjoni li għaddejja bħalissa dwar il-paga minima, Muscat qal li l-imsieħba soċjali qed jiġu nkuraġġati li jsibu soluzzjoni għal żieda fil-paga minima, hekk kif il-Gvern jemmen li bħalissa din mhix biżżejjed, u li l-Gvern se jerfa’ l-piz ta’ żieda li se ssir mis-sena li ġejja.
Il-Prim Misnistru qal li issa, se jisma’ l-proposti li se joħorġu bihom l-imsieħba soċjali u jimxu minn hemm.
“Ir-responsabbiltà tagħna mhix li ngħidu iva għall-kollox, iżda għall-affarijiet li jiġu l-ewwel, u għall-aktar affarijiet li huma l-aħjar,” saħaq Muscat.
Dan qabblu mal-ewwel parti tal-pjan tal-Gvern għall-ekonomija tal-pajjiż, li tejjeb il-kwalità tal-ħajja permezz ta’ roħs fil-kontijiet u żieda fil-pensjonijiet fost affarijiet oħra, li permezz tagħhom, il-pajjiż issa jista’ jagħmel riformi strutturali li qed iġibu l-pajjiżna fuq livelli aħjar u standards għola.
“Il-fażi li jmiss”, qal Muscat, “hija li issa naraw kif se jitqassam il-ġid li ġġenera l-pajjiż s’issa”
Muscat temm l-indirizz tiegħu b'wegħda li fis-sena d-dieħla se tibqa' ssir aktar ħidma għall-ġid u għall-għaqda... mhux tal-ħomor u kontra l-blu...iżda għall-poplu Malti wieħed kollhu.