Fi stqarrija maħruġa mill-Arċidjoċesi ta’ Malta, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA), innotat kif għada,l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi mistennija tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-Integrated Pollution Prevention and Control (IPPC) għat-“tiġdid u tibdil tal-permess tal-IPPC biex jinkludu l-operat ta’ Delimara 1, Delimara 2a u 2b, Delimara 3 (il-konverżjoni minn HFO għal gas naturali), Delimara 4 CGGT u t-terminal tal-LNG”.
B’dispjaċir, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tinnota li għal darb’oħra kwistjoni ta’ importanza nazzjonali, f’dan il-każ il-ġenerazzjoni tal-enerġija, qed tintuża bħala ballun politiku. Kull darba li jiġri hekk, id-diskussjoni fuq il-kwistjoni tkun ikkontaminata min interessi partiġġani fejn kull kumment ikun validat mhux skont is-saħħa tar-raġuni imma minn kemm jirrifletti l-aġenda ta’ partit.
Il-KA tħoss li, għall-ġid tal-poplu Malti, il-fatti għandhom jingħadu b’mod ċar mingħajr la ħabi u lanqas esaġerazzjoni bla bżonn. Il-KA tħoss li minkejja l-pressjoni biex jinħareġ il-permess tal-IPPC sabiex id-deadline il-ġdid tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-power station il-ġdida ikun jista’ jiġi rispettat, il-membri tal-Bord tal-ERA għandhom iħossuhom fil-libertà u jaġixxu b’kuxjenza biex jindirizzaw u jirrispondu b’mod seren wara li jkunu flew bir-reqqa l-argumenti kollha li għandhom quddiemhom.
Jekk il-membri tal-ERA għad għandhom dubji dwar l-applikazzjoni, allura dawn id-dubji għandhom l-ewwel jiġu risolti qabel ma tittieħed deċiżjoni. L-ERA għandha r-responsabbiltà li tħares il-kwalità tal-ħajja tan-nies (speċjalment ta’ dawk li jgħixu fl-inħawi) u ma tistax tiddelega lill-applikant tal-permess ir-responsabbiltà sħiħa ta’ dak kollu li jista’ jmur żmerċ fil-futur.
Fl-aħħarnett, il-KA tawgura li dak li jiġi deċiż jgħin biex il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd tmur għall-aħjar, u fuq kollox titkattar l-għaqda u mhux il-firda fil-gżejjer tagħna.