Paroli ħafna...fatti ftit jew xejn

John Busuttil, il-korrispondent tal-ILLUM minn Brussell, jikteb dwar is-Summit tal- UE li seħħ din il-ġimgħa...

Imut papa u jilħaq ieħor...il-ħbiberija mat-Taljani kompliet tissaħħaħ, inbidel biss l-isem u l-wiċċ...minn Renzi għal Gentiloni
Imut papa u jilħaq ieħor...il-ħbiberija mat-Taljani kompliet tissaħħaħ, inbidel biss l-isem u l-wiċċ...minn Renzi għal Gentiloni

Kienu appena nofsinhar meta wasal il-Prim Ministru Malti fil-bini tal-Kunsill tal-Ewropa u ltaqa’ magħna l-ġurnalisti Maltin bi tbissima u lest għall-mistoqsijiet tagħna dwar is-summit ta’ Brussell, l-aħħar wieħed għal din is-sena. Fil-fatt, l-ewwel summit li jmiss se jkun f’Malta fi Frar li ġej.

Kienet l-ewwel esperjenza għalija f’summit bħal dan, iżda baqagħet f’moħħi mistoqsija li għamel il-kollega mal-gazzetta oħt, MaltaToday, Paul Cocks meta qabel telaq, staqsa lill-Prim Ministru jekk din hux se tkun ‘talking shop’, ieħor b’Joseph Muscat iwieġeb bi tbissima “Nispera li le” u ħarab mgħaġġel fejn is-27 kap ta’ stat ieħor biex jibdew id-diskussjonijiet li ġebbdu sa qrib nofsilejl.

Il-ġurnalisti Maltin li jirrapreżentaw kważi kull media Maltija kienu preżenti bil-ġurnalisti mill-media Nazzjonalista neqsin, bħalma kienu jkunu dawk mill-midja Laburista fi żmien l-amminustrazzjoni ta’ qabel. Assurda imma vera, speċjalment li dawn ikunu mħallsa mill-gvern Malti. Għalkemm jien personalment attendejt għax qed ngħix hawn u ma ħadt xejn mill-Gvern!

Insomma ħa niġi għall-punt kardinali. ’Il fuq minn 12-il siegħa fil-press room b’xi ċajta, botta u argumenti ġurnalistiċi ’l hawn u ’l hinn kollha nistennew il-manna billi jitfaċċa xi ħadd mit-trupp ta’ Muscat u jgħidilna li se jkellimna, u arana sejrin bi ħġarna nieħdu l-kummenti tagħna. B’tat-Times u l-Independent jinsew xi ftit is-summit u jfakkruh fil-mini bar ta’ Cardona f’Dubai. Jien u l-kollega ħriġna nieklu pizza tafux f’xi ħin.

Dan kien biss il-half time għax kien baqa’ iżjed diskussjonijiet waqt l-ikla bejn il-kapi tal-istat fejn kienu se jiddiskutu s-sitwazzjoni tas-Sirja u l-Brexit. Bqajna nistennew u l-konferenza stampa li kienet skedata għas-6.30 ittardjat bi ftit minuti...u saret fil-11.30 p.m.

Kulħadd ħerqan ħa jisma x’passi se jittieħdu fuq ir-Russja u r-reġim ta’ Assad, x’se jsir bi Brexit, u bl-immigrazzjoni.

Ħareġ Tusk ilaqlaq bil-lingwa Ingliża, Juncker bil-Franċiż u l-Prim Ministru Slovakk jagħti l-addio u jieħu r-ringrazzjamenti tax-xogħol li għamel fil-presidenza tas-sitt xhur li għaddew u li issa għadda l-qanpiena lil Malta (eżatt f’idejn il-Ministru Louis Grech).

Tusk qal li hemm ftehim u qbil li għal problema immigrazzjoni għaċ-ċentru tal-Mediterran għandu jsir ftehim bħalma sar mat-Turkija. Iżda żommu naqra. Hekk ftehmu bil-paroli, issa jridu jiddiskutu iżjed dwar dan fis-summit li se jsir f’Malta fi Frar li ġej. Jiġifieri bħalma qal sieħbi Paul Cocks dwar l-immigrazzjoni kien hemm ‘Talking Shop’. U anke jekk isir ftehim f’Malta, irid jieħu ż-żmien sa ma jiġi negozjat l-istess ftehim...mela nistennew Talking Shop ieħor f’Malta. Għalkemm ma rridx inkun negattiv sa barra, u hawn naqbel mal-Prim Ministru Malti meta qalilna li hu stess ftit kien jemmen li l-punt imqajjem minn Malta, dwar l-immigrazzjoni fiċ-ċentru tal-Mediterran u l-Libja se jkun hemm qbil li jsir ftehim bħal dak mat-Turkija. Però qalilna wkoll li dan jieħu ż-żmien u aħna nittamaw li mill-paroli naqbżu għal fatti. Għax kif qal l-istess Muscat, billi l-immigranti mhux jinżlu f’Malta ma jfissirx li waqfu jaqsmu.

Wieħed ġej u l-oħra sejra...Theresa May u Brexit li se jiġi diskuss taħt il-presidenza ta’ Malta
Wieħed ġej u l-oħra sejra...Theresa May u Brexit li se jiġi diskuss taħt il-presidenza ta’ Malta

Tusk qal li se ssir pressjoni fuq il-kunflitt tas-Sirja. Ħadna nifs, għidna ejja wara ħames snin ta’ kunflitt u nies ċivili jinqatlu bla ħniena minn naħa u minn oħra, l-Ewropa se tgħaddi għall-fatti. Ġurnalist barrani staqsieh x’tip ta’ pressjoni se tittieħed u jekk fiha hemmx xi sanzjonijiet. Tusk beda jlaqlaq (forsi għax mhux fluwenti fl-Ingliż) u qal li bil-forza ma jintrebħux gwerer, u l-Ewropa mhux lesta biex tuża forza għax lanqas għandha kapaċità biex tagħmel dan. Il-pressjoni se tkun bil-‘paroli’ diplomatiċi u bl-għajnuna umanitarja u billi l-Ewropa tgħin għall-bini mill-ġdid tas-Sirja jekk min-naħa tal-gvern Sirjan kollox jimxi kif għandu jkun. Mela se ninfurzaw aktar paroli f’dan il-kunflitt. Tusk qal li mhux biżżejjed (dażgur li le), iżda sar qbil li se jkun hemm aktar pressjoni (about time, wara ħames snin joqtlu). Bil-ħaqq, qal ukoll li lanqas biss ġew diskussi sanzjonijiet fuq ir-Russja oħra ħlief dik tar-‘rollover’ li ma nafx kemm s’issa kienet effettiva dwar il-kwistjoni mal-Ukrajna. Għalkemm hawn ukoll qbilt waħda mal-president tal-Kunsill Ewropew meta qal, “twaħħlux fl-Ewropa għal kunflitt tas-Sirja għax mhux aħna l-kawża tiegħu.” U hawn naqbel perfettament miegħu. Għax fl-opinjoni tiegħi, l-Ewropa daħlet f’dan il-kunflitt biss għax imtliet bir-refuġjati tal-gwerra filwaqt li forsi min bill subgħajh fih, baqa’ gallarija.”

Dwar Brexit, kollox irranġajna tafux. Il-Kunsill iddeċieda li jħalli f’idejn il-Kummissjoni Ewropea tmexxi n-negozjati meta l-Ingliżi jagħżlu li jibdew l-eżodu, u min-negozjati tħalla barra l-Parlament Ewropew, għax dik ismu miegħu ‘PARLAment’. Xejn fatti, iżda se nibdew niddiskutu.

Fil-Konferenza stampa ma ntqal xejn dwar it-Turkija u Erdogan, u kellu jkun ġurnalist tan-New York Times li staqsa lil Tusk jekk kienx hemm xi diskors fuq xi laqgħa ma’ Erdogan u Tusk ftakar li iva se jsir summit mal-awtoritajiet Torok xi ġurnata x-xahar id-dieħel, iżda d-data għada ma ġietx imposta.

U hawn għidt bejni u bejn ruħi, naħseb li l-kollega tiegħi kellu raġun meta staqsa lil Prim Ministru Malti fil-bidu tas-summit, “dan se jkun talking shop ieħor?” Muscat kieku ttama li ma jkunx, iżda wisq naħseb li kien mimli paroli u wisq inqas deċiżjonijiet konkreti. Saru biss deċiżjonijiet biex inkomplu niddiskutu fuq kollox.

Il-qanpiena f’idejn Louis issa
Il-qanpiena f’idejn Louis issa

Jibqa’ fatt iżda, li kienet esperjenza sabiħa fejn anke rajt u apprezzajt kemm il-Prim Ministru Malti u t-tim tiegħu huma lesti u miftuħa għall-ġurnalisti Maltin. Dwar dak li ktibt, jekk forsi ma temmnunix jew jekk tridu taraw jekk hux jien fhimt ħażin, tistgħu tisimgħu l-konferenza stampa ta’ nofs siegħa mogħtija eżatt wara s-summit fuq is-sit ta’ din il-gazzetta.

 Au revoir minn Brussell

More in Politika