Fi stqarrija maħruġa mill-Malta Union of Midwives & Nurses, l-MUMN tiċħad li kienet involuta fl-elezzjoni li saret 4 xhur ilu, sabiex jiġi maħtur Kunsill Regolatorju ġdid.
L-MUMN sa llum żammet lura milli tikkumenta fuq din il-materja peress li ma riedet li bl-ebda mod tinfluwenza l-inkjesta li kienet għaddeja dwar din l-elezzjoni għaliex temmen fl-etika u d-demokrazija.
Fl-istqarrija L-MUMN elenkat lista ta' punti li ntqalu u li huma l-bogħod mill-veritá u li jistgħu jqarqru b’min jismagħhom;
Il-protest guddizjarju li sar ftit wara li tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni sar fuq kategorija ta' nurses li lanqas biss kien hemm il-ħtiega li ssir elezzjoni għalihom. Il-protest guddizzjarju sar fuq second level nurses jew kif ħafna jafuhom bħala Enrolled Nurses. F'din l-elezzjoni, għal din il-kategorija, kien hemm biss kandidat wieħed sabiex jiġi elett u għalhekk peress li ma kienx hemm kontestazzjoni, ma kienx hemm il-ħtieġa li ssir elezzjoni għal din il-kategorija ta' nurses. Għaldaqstant il-protest guddizjarju huwa null u bla effett għaliex qed jitkellem fuq sezzjoni ta'nurses li ma saritx elezzjoni għalihom;
Id-differenza bejn l-ammont ta' voti li ġew mitfuħa fl-elezzjoni ta' tlett snin ilu u l-elezzjoni ta' din id-darba hija biss ftit aktar minn 400 vot. Fl-aħħar elezzjoni ġew mitfuha 1583 voti filwaqt li f'din l-elezzjoni kien hemm 1999 voti. Għaldaqstant kull min qed jgħid li bejn elezzjoni u oħra kien hemm eluf ta' voti differenza qed jagħmel dan b'mod skorrett jew biex iqarraq apposta. F'dawn l-aħħar tliet snin l-ammont ta' nurses f'pajjiżna żdied b'aktar minn 600, u għalhekk hija ħaġa normali li jiżdiedu wkoll l-ammonti ta' voti mitfuha peress li f'din l-elezzjoni kien hemm aktar nurses eliġibbli li jivvutaw;
L-ebda Ufficcjal ta' l-MUMN ma kien involut f'din l-elezzoni bil-kontra ta' dak li ntqal fl-inkjesta. Kien hemm biss rapprezentanti tal-union u dan kienu qed jagħmluh fuq il-bażi personali tagħhom. L-MUMN tgawdi 96% sħubija tan-nurses kollha f'pajjiżna u madwar 80 attivist u rappreżentant u għalhekk jagħmilha diffiċli li min jiġi nominat ma jkunx parti mill-MUMN, pero' dan ma jfissirx li kien hemm l-involviment tal-union f'dan il-proċess.
Il-process li ntuża f'din l-elezzjoni huwa l-istess wieħed li ilu jintuża għal għexieren ta' snin u għalhekk f'din l-elezzjoni ma kien hemm l-ebda process ġdid. Dan ma jfissirx li dan il-proċess m’għandux jitjieb. Infatti l-MUMN kemm il-darba tkellmet sabiex dan il-proċess jiġi mtejjeb pero' r-risposta li dejjem irċeviet kienet li biex il-proċess jinbidel irid isir tibdil fl-avviż legali li jirregola din l-istess elezzjoni.
Għaldaqstant l-MUMN tappella lil kull min irid jikkumenta sabiex ikun metikoluż fi kliemu għaliex ma jagħmilx sens li jintefa’ tajn bl-addoċċ u inġust lil din il-union li l-għan tagħha huwa dak li tagħqqad lin-nurses u mhux tifridhom kif hawn min irid jagħmel għall-interessi personali tiegħu.