Il-Prim Imħallef urtat għax inqabeż

Jhedded li jagħmel bojkott minħabba li qabżuh diversi persuni fl-ordni ta' preċedenza tal-istat

Il-Prim Imħallef Silvio Camilleri, fl-iskambju tal-awgurju tal-Ewwel tas-Sena | ritratt: James Bianchi
Il-Prim Imħallef Silvio Camilleri, fl-iskambju tal-awgurju tal-Ewwel tas-Sena | ritratt: James Bianchi

Il-Prim Imħallef Silvio Camilleri esprima d-diżappunt tiegħu li inqabeż fl-ordni tal-protokoll tal-istat, biex issa jinsab fil-ħames post. Din il-bidla fl-ordni tal-għola istituzzjonijiet tal-istat seħħet f'Ottubru li għadda u rat lill-pożizzjoni tal-President u l-Prim Ministru fl-għola post, ma tinbidilx. Din il-bidla ġiet fid-deher, f'Novembru fejn din l-ordni ġiet ippreżentata fil-Parlament għal mistoqsija parlamentari ta' Etienne Grech.

Minkejja dan, il-pożizzjoni tal-Ispeaker u tal-Arċisqof, telgħet u għalhekk ħadet preċedenza fuq dik tal-Prim Imħallef. Camilleri esprima dan waqt id-diskors tiegħu ilbieraħ fl-iskambju tal-awguri mal-President, fejn qal li, "sfortunatament, tmiem is-sena ħalliet togħma qarsa fil-Ġudikatura minħabba t-trattament li rċeviet meta l-Ordni ta’ Preċedenza ġiet mill-Gvern ħabta u sabta kapovolta u l-Ġudikatura, rappreżentata mill-kariga tiegħi, ġiet relegata għal pożizzjoni inferjuri minn dik li jistħoqqilha u li dejjem ġiet akkordata lilha matul is-snin."

Camilleri żied jgħid li hu ma ġiex konsultat b'din il-bidla u sar jaf għall-ewwel darba meta mar biex jieħu postu quddiem il-Monument tal-Gwerra f’Jum it-Tifkira. "Ma naħsibx li dan hu xieraq, anki jekk forsi l-kortesija u l-korrettezza ta’ kif isiru l-affarijiet m'għadhomx moda fi żminijiet moderni," żied jgħid Camilleri, waqt li sostna kif għadu bla risposta mis-Segretarju Permanenti Prinċipali tal-Gvern, wara li f'laqgħa li kellhom, tkellem fuq id-diżappunt tiegħu dwar kif saru l-affarijiet u li fil-mertu tagħha l-bidla li saret kienet żbaljata.

Il-gazzetta MaltaToday tirraporta kif il-Prim Imħallef, hedded li jagħmel bojkott minħabba dan, li iżda ma ntlaħaq l-ebda konsensus dwaru minn fost il-membri tal-ġudikatura.

Fil-fatt, l-ordni ta' preċedenza tal-istat, fl-ewwel 20 post, tara lil dawn il-persuni f'din l-ordni: il-President, il-Prim Ministru, l-Ispeaker tal-Kamra, l-Arċisqof ta' Malta, il-Prim Imħallef, Ministri, Segretarji Parlamentari, Kap tal-Oppożizzjoni, eks Presidenti u eks Prim Ministri, Korpi Diplomatiċi, l-Isqof t'Għawdex, Segretarju Permanenti Prinċipali tal-Gvern, Imħallfin, l-Awditur Ġenerali, Deputat Speaker, Membri Parlamentari, eks Prim Imħallef/ eks Arċisqof/ eks Speakers, Maġistrati, Segretarji Parlamentari/ Kummissarju tal-Pulizija/ Kmandant tal-FAM u finalment, l-Awditur Ġenerali u l-Ombudsman.

More in Politika