Ixammru l-kmiem u jmexxu l-mutur tal-Presidenza
Madwar 400 ħaddiem Malti fi Brussell jaħdmu bla heda għas-suċċess tal-presidenza Maltija
minn John Busuttil minn Brussell
Illum hi l-ewwel ġurnata ta’ xogħol għal ħaddiema kollha wara l-festi tal-Milied u tal-bidu tas-sena l-ġdida. Iżda għal madwar 400 ħaddiem li jaħdmu fi Brussell, din hi ġurnata speċjali. Hi l-ewwel ġurnata li se jkunu qed jaħdmu waqt il-Presidenza Maltija fl-Unjoni Ewropea minn Dar Malta.
Nofshom ilhom madwar sentejn jippreparaw għal din il-ġurnata u s-sitt xhur li ġejjin, oħrajn bdew deħlin ftit ftit matul dawn is-sentejn fejn hemm minnhom li anke daħlu fl-aħħar xahar. Kollha preparati sa snienhom, biex jixprunaw lil Malta fil-presidenza u s-suċċess li wieħed qed jistenna minn din il-gżira tant żgħira. Li iżda hi preparata daqs l-akbar pajjiż Ewropew biex nagħmlu ħoss mhux biss fl-Ewropa iżda jekk jista jkun ma’ kull rokna tad-dinja.
Hu l-mument li Malta tista’ tagħmel id-differenza fid-dinja fejn jidħlu s-settur marittimu, is-sigurtà, is-suq uniku (single market), l-inklużjoni soċjali, il-politika tal-viċinat tal-Ewropa (Mediterran) u l-migrazzjoni, li huma l-prijoritajiet prinċipali tal-presidenza Maltija.
Għal dan il-għan, Malta se tilqa’ laqgħat li se jiġbdu lejha kapijiet ta’ kull stat Ewropew, ministri minn kull parti Ewropea u eluf u eluf ta’ ġurnalisti li jsegwu l-politika Ewropea. Iżda min jaħseb li dan kollu se jibda minn nhar it-Tnejn li ġe hu żbaljat. Min jaħseb li dawn il-laqgħat isiru bla ħsieb u bla studju ta’ xejn hu ferm aktar żbaljat. Min jaħseb li dan ix-xogħol isir biss mill-Ministri, segretarji parlamentari u deputati parlamentari hu ħafna u ħafna aktar żbaljat.
Il-ministru Louis Grech flimkien mas-segretarju Parlamentari Ian Borg immexxjin mill-Prim Ministru, il-Kabinett u diversi konsulenti tagħhom wasslu biex bnew tim qawwi, skwadra b’saħħitha u mimlija mhux biss ħeġġa iżda mimlija kwalifiki u esperjenza fis-setturi kollha li se jolqtu lil Malta fil-presidenza biex jaħdmu bla heda minn Brussell.
Irnexxieli niltaqa ma’ diversi minnhom u nista’ nassigurakom li hawn fi Brussell hawn skwadra armata sa snienha b’kull tip ta’ għarfien, li qed jaħdmu bla heda sa tard bil-lejl, mingħajr ‘weekends’ b’laqgħat ma’ gruppi minn setturi diversi minn kull parti fl-Ewropa biex jaħmu l-politika tal-Presidenza Maltija. Ilestu x-xogħol kollu li ma jidhirx biex il-magna tal-presidenza timxi fuq ir-rubini.
F’Dar Malta, normalment jaħdmu mdwar 50 persuna, iżda bħalissa hawn ’il fuq minn 400 li wara li tawhom ġimgħa vaganza biex igawdu lil familji tagħhom f’Malta (min laħaq mar) huma preparati li minn nhar it-Tnejn, dawn se jxammru l-kmiem, jinsew id-dawl tax-xemx (meta jkun hawn fi Brussell), jinsew il-Ħdud u l-festi u jibdew ix-xogħol biex iħaddmu l-muturi kollha li huma stess ppreparaw sa min ħafna xhur qabel.
Dawn il-ħaddiema Maltin, kollha bid-diplomi wara isimhom, kollha b’dottorati, masters u kwalifiki fl-istudji Ewropej, leadership u diversi kwalifiki għolja oħra, jafu għal xiex daħlu, meta kienu huma li applikaw għal dan ix-xogħol. Jafu li l-glorja mhux se joħduha bħall-politiċi. Jafu li huma mhux se jkunu fuq xi podju biex jingħataw ir-ringrazzjamenti. Iżda jafu wkoll li s-suċċess tal-Presidenza hu s-sodisfazzjon personali tagħhom. Għax huma jafu li se jkunu l-ixpruni tas-suċċess li qed jaħdmu għalih u jafu li huma għandhom l-istima tal-Ministru Louis Grech, tas-segretarju parlamentari Ian Borg li kienu huma li bnew dan it-tim formidabbli lest għax-xogħol.
Wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll lill-ambaxxatriċi Marlene Bonnici li taħtha jaqa’ dan it-tim kbir. Marlene Bonnici hi l-kowċ ta’ dan it-tim mgħejuna mil-assistent kowċ Neil Kerr li jaraw li jkunu jafu b’mod personali lil kull ħaddiem li hemm jaħdmu f’Dar Malta. Anke l-ambaxxatur għall-Belġju, Ray Azzopardi ħass il-ħtieġa li qabel il-vaganzi jibgħat lil kull wieħed u waħda minnhom l-awgurju u r-rigrazzjament tiegħu għax x-xogħol li diġà wettqu u awgurju għax-xogħol li mistenni jiġi attwat fir-realtà minn nhar it-Tnejn.
Inħoss li dawn il-ħaddiema ‘bla isem’ għandhom jingħataw il-pubbliċità għax dawn huma l-‘unsung heroes’ għal din il-Presidenza li għall-ewwel darba wara 13-il sena fl-Ewropa, Malta għandha l-unur li tħaddan.
Filwaqt li nwegħedkom li minn dawn il-paġni se nibda nlaqqgħakom ma’ diversi minnhom u anke Maltin oħra li jaħdmu f’diversi oqsma oħra fi Brussell, bħal Kummissjoni Ewropea, Kunsill Ewropew u fil-Parlament Ewropew.
Sadanittant il-barra u ’l bogħod mill-politika partiġġjana, minn din il-paġna u minn Brussell nawgura l-Presidenza t-tajba lil Malta u lill-Maltin kollha u nawgura sena mimlija aħbarijiet sbieħ lil qarrejja kollha tal-ILLUM.