Tal-karozzini, tat-taxis u 10 gabbani garantiti post fi Pjazza Tritoni

Il-Proġett ta' Pjazza Tritoni bi spiża ta' €10 miljuni se jkun lest sa l-aħħar tas-sena - Il-Ministru Joe Mizzi jgħid li dan se jipprepara lill-Belt Valletta għa-sena li se tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura

Dehra artistika ta' Pjazza Tritoni
Dehra artistika ta' Pjazza Tritoni

L-għixien tal-kuċċiera tal-karozzini u x-xufiera tat-taxis li jaħdmu fid-daħla tal-Belt Valletta huwa garantit, hekk kif bħala parti mill-pjani ta’ proġett li se jara bidla mill-qiegħ taż-żona madwar il-Funtana tat-Tritoni, dawn se jkollhom post allokat viċin il-pjazza l-ġdida madwar l-istess funtana.

Apparti minn dan, hekk kif kienet żvelat il-gazzetta ILLUM f’Ġunju tas-sena l-oħra, il-proġett ta’ €10 miljuni li huwa ppjanat li jkun lest sa l-aħħar tas-sena, se jinkorpora 10 gabbani. Kważi l-istess numru ta’ gabbani li iktar kmieni din il-ġimgħa għalqu u bdew jitwaqqgħu. Wara li dawn jitbattlu se jsiru l-arranġamenti neċessarji biex dak li jibqa’ fil-pjazza jkun jista’ jitneħħa mingħajr periklu.

Il-proġett, huwa maqsum f’fażijiet differenti. L-ewwel fażi kienet tinkludi roundabout ta’ 15 il-metru biex jiġi ffaċilitat it-traffiku fi Triq l-Assedju l-Kbir u Triq Francesco Buonamici. Saru servizzi ġodda u se jkun għaddej xogħol fuq żona ta’ stennija u mistrieħ għas-sewwieqa tat-taxis.

It-tieni fażi, li għaddej xogħol fuqha bħalissa tinkludi t-tisbiħ taż-żona tal-Biskuttin. Se jkun hemm ukoll pavimentar tal-ġebel tal-qawwi, għamara tat-toroq ġodda biex jinkludu wkoll `info kiosks`, u linji fil-ġebla bħala direzzjoni għal dawk neqsin mid-dawl, tħawwil mill-ġdid ta’ siġar flok dawk mejta u tixtil ta' dawk eżistenti.

It-tielet fażi tal-proġett, tinkludi t-tneħħija ta’ strixxa ċentrali eżistenti biex takkomoda żona ta’ stennija għax-xarabanks tal-Malta Public Transport, fejn se jkun hemm spazju għal 10 karozzi tal-linja. Se tinħoloq ukoll żona ta’ stennija għall-karozzi tal-linja tul Vjal ir-Re Dwardu, li mistennija tieħu sa 14-il karozza tal-linja.

Żona li ilha fi stat ta’ abbandun għal snin twal se tinbidel f’waħda pedonali, idonea għal daħla ta’ belt kapitali

Imbagħad ikun għad jonqos ir-raba’ fażi li tikkonsisti fix-xogħlijiet madwar il-funtana u li se jitlestew sal-aħħar tas-sena 2017.

Dan il-proġett se jfisser illi żona li ilha fi stat ta’ abbandun għal snin twal se tinbidel f’waħda pedonali, idonea għal daħla ta’ belt kapitali li se jkollha it-titlu tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2018.

 Intant mal-illum.com.mt il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura Joe Mizzi fakkar kif dan il-proġett kien ilu fuq il-karti ‘għal diversi snin.’

Huwa fakkar kif fiż-żmien li ġej, ‘se jkollna diversi avvenimenti importanti bi preżenza internazzjonali fil-belt kapitali ta’ pajjiżna u rridu naraw li din il-belt, tkun ippreparata sew għalihom.’ Ma’ dan is-sit Mizzi kompla jgħid li ‘dan il-proġett isegwi l-viżjoni tal-Gvern, li wiegħed li se jkompli bi proġetti ta’ riabilitazzjoni u restawr, biex lill-belt kapitali ta’ pajjiżna, nagħtuha lura lill-poplu.’

 

Iż-żona tal-Biskuttin, fejn bħalissa x-xogħol jinsab di stadju avvanzat
Iż-żona tal-Biskuttin, fejn bħalissa x-xogħol jinsab di stadju avvanzat
Bejjiegħa tal-gabbani jżarmaw u jbattlu l-gabbani tagħhom mix-xogħol li kellhom fihom ... 10 gabbani fil-proġett il-ġdid
Bejjiegħa tal-gabbani jżarmaw u jbattlu l-gabbani tagħhom mix-xogħol li kellhom fihom ... 10 gabbani fil-proġett il-ġdid

More in Politika