Ikomplu jiżżarmaw l-impjanti tal-power stations tal-Marsa u Marsaxlokk

Kumpanija Taljana se tkun qed iżżarma l-powerstation ta' Delimara

Il-kumpanija Taljana General Smontaggi ġiet magħżula bħala l-kumpanija li se tkun qed iżżarma l-impjant tal-1992 f'Delimara, li jinkludi ċ-ċumnija ta' 150 metru. Din il-kumpanija ntagħżlet minn fost 7 kumpaniji oħra li tefgħu l-offerti tagħhom.

L-Enemalta qalet li l-proċess kien konkluż hekk kif skada l-perjodu tal-appell u l-awtoritajiet ikkonfermaw li ħadd minn dawk li tefgħu l-offerta ma rreġistraw xi lment jew talba biex ir-rakkomandazzjoni tiġi meqjusa mill-ġdid. 

Qabel jibda x-xogħol ta' twaqqigħ, iridu jitlestew il-pjanijiet dettaljati taż-żarmar flimkien mal-kuntrattur magħżul, u jridu jitħejjew diversi rapporti u pjanti dwar kif ser jitwettaq ix-xogħol u kif ser tiġi mħarsa s-saħħa tal-ħaddiema u s-sigurtà tal-istazzjon ta’ Delimara u l-inħawi. 

Fi stqarrija, l-Enemalta qalet li l-kuntrattur magħżul għandu aktar minn 30 sena ta’ esperjenza fiż-żarmar ta’ impjanti industrijali. Għandu flotta estensiva ta’ makkinarju għal dan it-tip ta’ xogħol u fost il-klijenti tiegħu hemm uħud mill-akbar kumpaniji tal-enerġija u tal-manifattura fl-Ewropa.

Hekk kif l-impjanti li jaħdmu bil-gass naturali jibdew jipproduċu l-elettriku, l-Enemalta qalet li tkun tista’ wkoll tkompli bit-twaqqigħ tal-Marsa Power Station li partijiet minnha għadhom qed jinżammu cold standby biex jintużaw f’emerġenzi. Sadanittant, matul l-ewwel xhur tal-2017 ser ikompli għaddej iż-żarmar ta’ dawk l-impjanti tal-Marsa Power Station li m’għadx hemm bżonnhom, fosthom l-impjanti numru wieħed sa 4, l-impjant numru 8 u l-apparat u ċ-ċmieni tagħhom.

More in Politika