l-ktieb kontroversjali ntitolat ‘Mein Kampf’ li tfisser “it-taqtiegħa tiegħi” u li nkiteb minn Adolf Hitler fl-1925, reġa ġie ppublikat fil-Ġermanja, u b’sorpriża għal ħafna, qiegħed ibiegħ numru nkwetanti ta’ kopji; 85,000 kopja fil-Ġermanja biss.
Dan tul sena waħda biss, wara li reġa’ ngħata l-permess biex dan il-ktieb jiġi ppublikat hekk kif dan kien projbit sa minn wara t-tieni gwerra dinija.
Il-ktieb awtobijografiku ta’ Hitler, li huwa mimli mibgħieda kontra l-Lhud b'mod speċjali, qiegħed iqajjem sens ta’ inkwiet minħabba l-popolarità li reġà kiseb, hekk kif il-Ġermanja bħalissa għaddejja minn perjodu fejn il-mibgħieda lejn l-immigranti u r-refugjati qiegħda tikber.
Andreas Wirsching, id-Direttur tal-Istorja Kontemporanja fl-Istat tal-Bavaria u li għandu d-drittijiet tal-awtur fuq il-ktieb ta’ Hitler sostna li n-numru kbir ta’ bejgħ huwa impressjonanti u li qiegħed jikkunsidra l-pubblikazzjoni ta’ verżjoni maqluba għall-Ingliz, immirata għas-swieq tar-Renju Unit u l-Istati Uniti.
Id-deċiżjoni li dan il-ktieb jerġa’ jiġu ppublikat kienet kritikata bis-saħħa minn gruppi ta’ Lhud madwar l-Ewropa.
L-aħħar verżjoni li ġiet ippublikata, għanda wkoll noti miżjudin fuq ġewwa, bl-iskop li jtaffu s-sentiment ta’ mibgħieda li Adolf Hilter innifsu esprima fil-kitba tiegħu, kif ukoll in-nuqqas tal-istampa tad-dittatur u l-iswastika, li bħala simboli, huma projbiti fil-Ġermanja.
Minkejja l-attentati biex il-ktieb jitqies bħala wieħed akkademiku u storiku, l-ammont kbir ta’ kopji tiegħu mibjugħa, qegħda tqanqal l-inkwiet li din hija evidenza li l-propoganada ta’ Hitler qegħda terġa tissaħħaħ fil-Ġermanja.