'Il-ġenituri jibgħatu t-tfal fl-iskejjel tal-knisja għax iridu jtuhom edukazzjoni kattolika...'

Clyde Puli joħodha kontra l-liġi tal-ugwaljanza li se twaqqaf l-iskejjel tal-knisja milli jimpjegaw għalliema kattoliċi biss

Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli, ħareġ bis-saħħa kontra tnejn mill-liġijiet tal-ugwaljanza, li permezz tagħhom, l-iskejjel tal-knisja se jkunu projbiti milli jimpjegaw għalliema kattoliċi biss. Puli ddeskriva din id-deċiżjoni bħala "skizzofrenija politika".

Waqt il-programm televiżiv X-Tra, Puli kien f'diskussjoni taħraq mal-Ministru Helena Dalli, fejn huwa qal li "f'pajjiż liberu, ġenituri bħali, li jibgħatu t-tfal tagħhom fi skejjel tal-knisja, jagħmlu hekk għax ikunu jridu li uliedhom jirċievu edukazzjoni kattolika..."

Fid-dawl tal-liġi li ħarġet lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet, Puli, li huwa l-kelliem Nazzjonalist għall-libertajiet Ċivili, sostna li l-liġi ma tagħtix stampa ċara ta' x'jikkonstitwixxi diskrimninazzjoni u se tagħti lok għal ħafna inċidenti fuq postijiet tax-xogħol, fejn min jiġi akkużat b'diskriminazzjoni se jkun diffiċli biex joħroġ mill-akkużi minħabba d-definizzjoni vaga ħafna ta' x'inhu verament diskriminanti jew le.

Dalli irrispondiet li l-liġi għada qed tiġi reveduta qabel il-pubblikazzjoni tagħha, iżda li r-reliġjon tal-għalliema tibqa' xorta waħda kwistjoni irrilevanti. 

Id-diskussjoni bejn Clyde Puli u Helena Dalli kompliet, hekk kif juri l-filmat mehud mill-programm X-Tra

 

More in Politika