Mitlub jikkumenta fuq ir-reazzjoni ta’ Jason Azzopardi wara l-konferenza tal-aħbarijiet, hekk kif Azzopardi ħabbar li se jiftaħ libell, il-Ministru Owen Bonnici qal, “be my guest."
Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista intqal li r-reazzjoni isterika ta’ Jason Azzopardi għat-tħabbira ta’ aktar informazzjoni, din id-darba ġuramentata, b’rabta mal-każ tal-art f’Ħal Qormi turi l-istat ta’ paniku li għandhom Simon Busuttil u wieħed mid-deputati ewlenin tiegħu dwar każ skandaluż li dwaru l-Awditur Generali bi kliem mill-iktar iebes qal li x-Shadow Minister tal-Ġustizzja, Demokrazija u Drittijiet taċ-Ċittadini Jason Azzopardi għandu jerfa’ responsabbilta’ politika.
"Flok jipprova jagħmel is-sarimi permezz tad-deputati tiegħu, ikun aħjar għal Simon Busuttil, li fuq ħaddieħor irid jagħmilha ta’ judge & jury, li jgħaddi dan it-test ta’ korrettezza politika li għandu quddiemu u juri l-bieb ta’ barra lil Jason Azzopardi."
L-istqarrija fakkret li dan hu każ fejn art pubblika stmata iktar minn €8 miljuni mill-Awditur stess, spiċċat għand persuna qrib ħafna tal-PN bi ħlas miżeru ta’ ftit iktar minn €700,000 lill-Gvern.
"Persuna li magħha Azzopardi ltaqa’ u offra lil din il-persuna li jinstab kompromess. Il-kompress kien li l-art tiġi stmata b’valuri ta’ iktar minn għoxrin sena qabel minn periti li tqabbdu bi qbil bejniethom." temmet tgħid l-istqarrija