'Taħt it-tmexxija tiegħi, il-PN se jibqa' kontra l-abort u l-ewtanasja'

Wara kritika qawwija għall-kummenti li għadda l-kandidat Nazzjonalista Salvu Mallia, il-Partit isostni li hu kontra l-abort u l-ewtanasja

Wara li lbieraħ, il-kandidat Nazzjonalista Salvu Mallia u anke l-Partit Nazzjonalista qala' kritika minħabba kummenti li għadda l-istess kandidat dwar l-ewtanasja u l-abort u l-legalizazzjoni tagħhom, il-Kap tal-PN Simon Busuttil afferma li l-PN ma biddilx il-pożizzjoni tiegħu dwar dawn iż-żewġ kwistjonijiet.

Fost kummenti u kritika dwar intervista li ta Salvu Mallia lill-gazzetta Times of Malta ilbieraħ, il-grupp kontra l-abort Gift of Life qal kif il-PN ma għamel l-ebda tentattiv sabiex jassigura li se jkun qed ikompli jipproteġi l-valuri favur il-ħajja, mingħajr eċċezzjoni. "Għaldaqstant, mhuwiex ċar jekk il-Partit biddilx il-pożizzjoni tiegħu b'mod radikali, u issa jaqbel mal-qtil tat-tarbija mhux imwielda, l-anzjani u l-morda," komplew jgħidu l-Gift of Life.

Fakkru wkoll lill-partiti politiċi kollha li mhux aċċettabbli, u inkonsistenti li xi ħadd jgħid li huwa, "personalment kontra l-qtil ta' oħrajn, u fl-istess ħin tkun favur li jkun hemm l-għażla sabiex xi ħadd jagħmel dak li int stess qed tgħid li kontrih."

Minħabba f'dan, fi stqarrija, il-Kap tal-Oppożizzjoni Busuttil qal li taħt it-tmexxija tiegħu, il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar dawn iż-żewġ kwistjonijiet ma nbidlitx u mhix se tinbidel, anke jekk qal li hija ħaġa tajba li fi ħdan il-partit, ikun hemm persuni b'veduti u opinjonijiet differenti.

Dan filwaqt li qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat, ma jistax jgħid l-istess, "li b'mod ċar qed jilgħab bl-idea li jintroduċi waħda jew it-tnejn minn dawn il-kwistjonijiet biex jirbaħ l-elezzjoni li jmiss."

More in Politika