Riforma fil-leġiżlazzjoni li tirregola in-negozji se tfisser illi l-ħwienet se jkunu jistgħu jibdew jiftħu kull nhar ta' Ħadd, bil-patt u l-kundizzjoni li jgħalqu f'ġurnata oħra matul il-ġimgħa, liema ġurnata tkun l-għażla tagħhom. Dan ħabbru dalgħodu l-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Chris Cardona, li qal illi din ir-riforma kien ilha jinħass bżonnha, fil-fatt għal bosta snin il-ftuħ ta' ħwienet kull nhar ta' Ħadd kienet suġġett ta' diskussjonijiet u kontroversji.
Cardona fakkar kif għal bosta nies il-Ħadd hija l-aktar ġurnata konvenjenti biex imorru jixtru u għalhekk inħossu li din ir-riforma se twassal għal aktar opportunitajiet għal dawk li għandhom negozju, kif ukoll għal dawk li jaħdmu fin-negozji.'
B'din ir-riforma kull tip ta' ħanut se jkun jista' jiftaħ, minn grocers, għal supermarkets u ħwienet li jbiegħu affarijiet u prodotti essenzjali. Huma se jkunu jistgħu jiftħu kull nhar ta' Ħadd bejn is-6:00 a.m. u s-1:00 p.m., anke f'postjiet li mhumiex turistiċi. Apparti minn hekk, il-liġi kif inhi bħalissa tippermetti biss il-ħwienet fil-Belt Valletta biex jiftħu meta jkun hemm cruiseliner. Dan issa se jkun estiż għat-tliet ibliet kollha, jiġifieri Bormla, Birgu u l-Isla.